Wiki
Wiki hu sit tal-web[N 1] li jħalli l-utenti tiegħu iżidu, ibiddlu u jħassru l-kontenut permezz ta' navigatur tal-web[N 2], bl-użu ta' lingwaġġ ta' markatura[N 3] semplifikat jew editur tat-test fuq-il-linja[N 4].[1][2][3]
Fi kliem ieħor hu ġabra ta' dokumenti ipertestwali li jiġu aġġornati mill-utenti u li l-kontenut tagħhom jiżviluppa bil-kollaborazzzjoni ta' dawk kollha li jaċċessawh (kontenut ġenerat mill-utenti). Il-modifika tal-kontenut hi miftuħa, fis-sens li t-test jista' jiġi modifikat mill-utenti kollha (xi minn daqqiet reġistrati u xi minn daqqiet anonimi) li jikkontribwixxu mhux biss billi jżidu, kif jiġri s-soltu fil-forums, imma jbiddlu u jħassru dak li kienu kitbu l-awturi ta' qabel. Kull bidla tiġi reġistrata f'kronoloġija biex f'każ ta' bżonn it-test jista' jinqaleb għall-verżjoni ta' qabel; l-għan hu l-informazzjoni titqassam, titpartat, tinħażen u tittejjeb b'mod kollaborattiv.
I-terminu "wiki" jista' jfisser ukoll is-software kollaborativ użat biex jinħoloq is-sit tal-web.
Etimoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]Wiki wiki ġejja minn kelma bil-lingwa Ħawajijana li tfisser "mgħaġġel". Kultant wikiwiki jew WikiWiki jew Wikiwiki jintużaw minnflok wiki. Ward Cunningham (missier l-ewwel wiki) kien imnebbaħ mill-isem wiki wiki użat għal karozza-navetta tal-ajruport ta' Honolulu. "Wiki kienet l-ewwel kelma li sema' matul l-ewwel żjara tiegħu fil-Gżejjer Ħawaji, meta wieħed inkarigat stiednu biex jieħu karozza "wiki wiki" li taħdem bejn it-terminali tal-ajruport. Cunningham qal: "Għażilt wiki-wiki bħala sostituzzjoni allitterattiva ta' quick ("mgħaġġel") u hekk evitajt li nsejjaħ dil-ħaġa quick-web."[4].
WikiWikiWeb hu terminu użat kultant biex jirreferi b'mod speċifiku għal Portland Pattern Repository, l-ewwel wiki li qatt eżista. Dawk li bdew dan il-wiki issuġġerew li għall-wikis in ġenerali għandha tintuża 'w' żgħira.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Is-software wiki twieled bħala soluzzjoni ġenerali ta' problema rikorrenti tal-komunità web, il-kitba u d-diskussjoni ta' pattern languages. L-ewwel wiki kien Portland Pattern Repository, il-kunċett ta' Ward Cunningham li bdieh fl-1995[4]. Cunningham ivvinta l-isem u l-kunċett ta' wiki u pproduċa l-ewwel implementazzjoni ta' mutur wiki.
Fl-aħħar tas-seklu 20, il-wikijiet kienu meqjusa bħala mezz promettenti għall-iżvilupp tas-sisien ta' tixrid tal-għarfien fil-pubbliku u fil-privat. Kien dan il-potenzjal li ispira l-proġett tal-enċiklopedija Nupedia, mibdija minn Jimmy Wales ma' Larry Sanger bħala kap-editur bl-użu tat-teknoloġija wiki bħala bażi ta' enċiklopedija elettronika. Wikipedija ġiet varata f'Jannar 2001. Oriġinarjament kienet ibbażata fuq is-software UseMod, imbagħad bidlet għal software ta' sors miftuħ MediaWiki li għadha tuża bħalissa. Dan ġie adottat minn ħafna wikijiet oħra.
Bħalissa il-Wikipedija bl-Ingliż hi l-ikbar wiki, u t-tieni waħda hi l-Wikipedija Ġermaniża.
Oqsma tal-applikazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]- Dokumentazzjoni ta' ħafna proġetti informatiċi, pereżempju Tango Desktop Project[5], DotClear documentation[6], EagleFaq[7];
- Proġetti kollaborattivi, pereżempju Dokumentazzjoni tal-komunità Taljana ta' Ubuntu[8], Nasgaïa[9] (Linux), CPDL, Choral Public Domain Library[10];
- Edukazzjoni u formazzjoni kollaborattiva, bħala libroscuolawiki.altervista.org;
- Enċiklopediji u b'mod iżjed ġenerali banek ta' għarfien fuq-il-linja (knowledge bases online), kemm ġenerali bħal Wikipedija jew settorjali bħal Sensei's Library[11], websemantique.org[12], xulfr.org[13], Ekopedia[14], Wikiartpedia[15], Anarcopedia[16], u Nonciclopedia;
- Bank ta' għarfien ta' kumpannija, biex jippermetti l-ixerjar tal-għarfien u għal komunikazzjoni fi ħdan il-kumpnnija;
- Wikijiet komunitarji, li jiġbru n-nies madwar suġġett bl-għan li jiltaqgħu, jaqsmu l-għarfien bejniethom, eċċ. Pereżempju Wikivoyage[17], Bennilogia[18];
- Wikijiet personali jintużaw bħala għodda għall-produzzjoni u l-maniġġar tal-informazzjoni minn Notebook għal pereżempju Tomboy u Gnote.
Karatteristiċi prinċipali
[immodifika | immodifika s-sors]Permezz ta' wiki jistgħu jinkitbu dokumenti kollettivament f'lingwaġġ ta' markatura [N 5] sempliċi bl-użu ta' navigatur tal-web . Billi l-parti l-kbira tal-wikijiet huma bbażati fuq il-web, it-terminu wiki is-soltu biżejjed. Paġna waħda f'wiki tissejjaħ "paġna tal-wiki", waqt li s-sett ta' paġni, li s-soltu jkunu marbutin ma' xulxin jissejjaħ "il-wiki".
Waħda mill-karatteristiki distintivi tat-teknoloġija wiki hi l-ħeffa li biha l-paġni jistgħu jinħolqu u jiġu aġġornati. Ġeneralment ma' jkunx hemm verifika preventiva fuq il-modifiki, u l-parti l-kbira tal-wikijiet huma miftuħin għall-utenti kollha - jew almenu dawk li għandhom aċċess għas-server tal-wiki. Infatti, lanqas ir-reġistrazzjoni ta' kont mhux dejjem meħtieġa.
Paġni u modifiki
[immodifika | immodifika s-sors]F'wiki tradizzjonali hemm tliet rappreżentazzjonijiet possibbli għal kul paġna: il-kodiċi HTML (hypertext markup language), il-paġna li tirriżulta meta wieħed jaraha b'navigatur tal-web u l-kodiċi tas-sors li l-utenti jistgħu jimmodifikaw, li minnha s-server jipproduċi l-HTML. Dan il-format tal-aħħar, magħruf bħala "wikitext", hu miktub b'lingwaġġ ta' markatura semplifikat li l-istil u s-sintassi tiegħu jistgħu ivarjaw ma' kull implementazzjoni.
Il-prinċipju li hi msejsa fuqu din l-għażla ta' disinn hu li l-HTML, bil-librerija kbira ta' etikettatura [N 6] li għandu, hu komplikat wisq biex jistgħu isiru tibdiliet malajr, u għalhekk jiddistratta mill-kontenut veru tal-paġni. Barra minn hekk, il-fatt li l-utenti ma jistgħux jużaw il-funzjonalitajiet kollha li għandu l-HTML, bħal JavaScript u CSS, hu meqjus ta' vantaġġ għax jimponi iktar uniformità fid-dehra.
Sintassi MediaWiki | HTML ekwivalenti | Riżultat |
---|---|---|
"Ħu naqr'iżjed [[te]]," qal il-Liebru ta' Marzu lil Alice, bil-ħeġġa kollha. "Għadni ma ħadt '''xejn'''," wieġbet Alice b'ton offiż, "allura ma nistax nieħu iżjed." "Trid tgħid li ma tistax tieħu ''inqas''?" qal il-Kappellier. "Faċli ħafna tieħu ''iżjed'' minn xejn." |
<p>"Ħu naqr'iżjed <a title="Te" href="?x=http://mt.wikipedia.org/wiki/Te">te</a>," qal il-Liebru ta' Marzu lil Alice, bil-ħeġġa kollha.</p> <p>"Għadni ma ħadt <strong>xejn</strong>," wieġbet Alice b'ton offiż, "allura ma nistax nieħu iżjed."</p> |
"Ħu naqr'iżjed te," qal il-Liebru ta' Marzu lil Alice, bil-ħeġġa kollha.
"Għadni ma ħadt xejn," wieġbet Alice b'ton offiż, "allura ma nistax nieħu iżjed." "Trid tgħid li ma tistax tieħu inqas?" qal il-Kappellier. "Faċli ħafna tieħu iżjed minn xejn." |
Xi wikijiet riċenti jużaw metodu differenti: jipprovdu strumenti ta' modifika "WYSIWYG"[N 7], permezz biss tal-kontrolli ActiveX jew tal-plugins li jittraduċu l-istruzzjonijiet tal-formattazzjoni inseriti grafikament, bħal tipi "ħoxnin" jew "kursivi" fitl-etikettura tal-HTML li jikkorrispondu magħhom. F'dawn l-implementazzjonijiet, meta utent jissejvja modifika jkun qiegħed jibgħat paġna ġdida tal-HTML fuq is-server, minkejja li ma jkunx jaf bit-dettalji tekniċi u l-markatura tiġi ġenerata b'mod trasparenti għalih. L-utenti li ma jkollhomx il-plugin relattiv jistgħu jimodifikaw biss permezz tal-kodiċi HTML.
L-istruzzjonijiet ta' formattazzjoni li wieħed jista' juża fuq wiki jvarjaw ħafna skont il-mutur użat. Fuq wiki sempliċi tista' tagħmel biss formattazzjoni elementari, waqt li l-wikijiet iżjed kumplessi għandhom support għat-tabelli, xbihat, formoli u anki elementi interattivi bħal ħoss u logħob. Għalhekk bħalissa qegħdin jippruvaw jiddefinixxu Markatura Standard għall-Wiki[N 8][19].
Ħolqien ta' paġni u l-ħoloq
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Wikijiet huma mezz għal kollox ipertestwali, b'struttura ta' navigazzjoni mhux linjari. Tipikament kull paġna jkun fiha numru kbir ta' ħoloq għal paġni oħra; fil-wikijiet ta' daqs notevoli jkun hemm ukoll navigazzjoni ġerakika, imma mhux bilfors tintuża. Ir-rabtiet (ħoloq) jinħalqu permezz ta' sintassi partikolari msejħa "link pattern."
Il-parti l-kbira tal-wikijiet jużaw il-mudell CamelCase għall-ismijiet tal-ħoloq. Skont dan il-mudell l-ewwel ittra ta' kull kelma fi frażi ssir majuskola u jitneħħew l-ispazji bejn il-kliem (it-terminu "CamelCase" hu stess eżempju ta' CamelCase). CamelCase barra li jiffaċilita l-ħoloq, iservi biex il-kitba tal-ħoloq ikollha forma differenti mill-ortografija standard. Il-wikijiet ibbażati fuq CamelCase malajr jintgħarfu mill-ħoloq b'ismijiet bħal "IndiċiĠenerali" u "DomandaInizjali"; it-terminu CamelCase ġej minn dawn il-frażijiet li jixbhu xi naqra il-profil ta' ġemel (bl-Ingliż camel).
CamelCase qajjem ħafna kritiki, u l-iżviluppaturi tal-wiki fittxew soluzzjonijiet oħra. L-ewwel li introduċa "free links" (ħoloq ħielsa) permezz ta' _(format ta' ħolqa ħielsa) kien Cliki. Diversi muturi tal-wiki jużaw parentesi singoli, grappetti, sottolinjaturi, żbarri u karatteri oħra biex jindikaw ħolqa. Il-ħoloq li jgħaqqdu komunitajiet tal-wiki differenti huma possibbli bl-użu ta' mudell speċjali ta' ħoloq imsejjaħ InterWiki.
Is-soltu f'wiki, paġni ġodda jinħolqu sempliċement billi wieħed idaħħal ħolqa korrispondenti f'paġna li tittratta suġġett li għandu x'jaqsam. Jekk il-ħolqa ma teżistix, normalment tkun murija bħala ħolqa maqsuma (broken link). Meta wieħed jipprova jsegwi dik il-ħolqa tinfetaħ tieqa ta' modifika, li tippermettilu jdaħħal it-test tal-paġna l-ġdida. Dan il-mekkanimu jiżgura li l-paġni msejħin "orfni" (jiġifieri li m'għandhomx ħolqa li tipponta lejhom) jinħolqu rarament u jinżamm livell għoli ta' konnessjoni.
Il-wikijiet ġeneralment jippruvaw jagħmluha faċli l-korrezzjoni tal-iżbalji li jistgħu isiru. aktar milli jagħmluha diffiċli li jsiru l-iżbalji. Għalhekk il-wikjiet barra li huma miftuħin għal kollox, jipprovdu bosta mezzi biex jiġu verifikati l-modifiki riċenti fil-kontenut ta' paġna. L-iżjed importanti u l-iżjed użat fil-wikijiet kważi kollha hu dik li jsejħulha paġna tat-"Tibdil riċenti", li turi kemm numru speċifiku ta' tibdiliet riċenti u kemm lista kompluta tal-modifiki magħmulin f'perjodu ta' żmien determinat. Xi wikijiet iħalluk tiffiltra il-listi li semmejna b'mod li l-modifiki żgħar - jew il-modifiki magħmulin awtomatikament minn dawk li jissejħu bot (kodiċi ta' programmazzjoni magħmulin b'mezz awtomatiku) - jistgħu jiġu esklużi.
Mill-paġna tal-bidliet hemm aċċessibbli żewġ funzjonijiet oħra f'kważi l-wikijiet kollha: il-kronoloġija tar-reviżjonijet, li turi il-verżjonijiet preċedenti ta' paġna, u l-funzjonalità "Qabbel", li turi l-bidliet bejn żewġ reviżjonijiet. Il-kronoloġija tar-reviżjonijiet tipprovdi editur tat-test biex wieħed ikun jista' jiftaħ u jissejvja verżjoni ta' qabel tal-paġna u hekk jirristabilixxi l-kontenut oriġinali. Il-funzjonalità "Qabbel" tista' tintuża biex wieħed jiddeċiedi jekk xi modifika ta' qabel hijiex tajba jew le. Utent regolari tal-wiki jkun jista' jara u jqabbel bidla mniżla fil-lista tal-paġna "Tibdil riċenti" u, jekk jidhirlu li l-aħħar verżjoni mhux aċċettabbli jista' jikkonsulta l-kronoloġija biex jirristabilixxi verżjoni ta' qabel. Din il-proċedura hi ftit jew wisq effiċjenti skont is-software tal-wiki użat.
F'xi wikijiet fil-paġna "Tibdil riċenti" wieħed jista' jniżżel sinjal biex jgħid li jaqbel fuq il-verżjonijiet li jqis li huma aċċettabbli. Tavi ta' Scott Moonen għandu "bidliet sottoskritti" (simili għal "listi ta' kontroll" ta' Wikipedia), forma interna ta' mmarkar tal-paġini li hi użata biex tiġġenera lista ta' bidliet riċenti għall-konfigurazzjoni ta' grupp ta' paġni speċifiċi wieħed.
Biex jiġi żgurat li sensiela ta' paġni jżommu il-kwalità tagħhom, kull persuna tista' tħalli avviż mal-modifiki li tippermettilha tivverifika l-validità tal-verżjonijiet ġodda faċilment.
Il-kontroll tal-modifiki
[immodifika | immodifika s-sors]Bosta wikijiet pubbliċi ma jeħtiġux reġistrazzjoni, però ħafna mill-muturi tal-wiki l-kbar (fosthom MediaWiki, MoinMoin, UseModWiki u TWiki) jipprovdu metodi biex jillimitaw l-aċċess fil-kitba. Xi muturi tal-wiki għandhom il-possibbiltà li xi waħdiet ta' utenti jkunu interdetti milli jiktbu permezz tal-grupp tal-indirizz tal-IP tagħhom, jew jekk ikun disponibbli permezz tal-isimhom ta' utent. Imma, bosta providers tas-servizz tal-internet (ISP) jassenjaw indirizz tal-IP ġdid għal kull login, għalhekk l-interdizzjoni tal-IP, ħafna spiss jistgħu jaħirbuha faċilment. Biex tiġi evitata din il-problema, l-interdizzjoni temporanja tal-IP sikwit tiġi estiża għall-grupp ikbar ta' indirizzi tal-IP; l-idea hi li dan hu biżżejjed biex inaffar 'il min jabbuża. Madankollu hekk jistgħu jiġu interdetti wkoll utenti bla ħtija li jużaw l-istess ISP matul l-interdett.
Ħafna drabi d-difiża kontra l-"vandali" persitenti tkun li dawn sempliċement jitħallew iħassru u jbiddlu kemm paġni jridu, għax l-utenti ġenwini jafu li dawn il-bidliet jistgħu jinstabu u jitbiddlu lura faċilment.
Bħala miżura ta' emerġenza, xi wikijiet għandhom bażi ta' data[N 9] li jista' jitqiegħed f'modalità ta' qari-biss meta jkun hemm bżonn u hekk dawk li jkunu reġistrati qabel ċerta data biss ikunu jistgħu jkomplu jiktbu fuq paġna fil-bażi ta' data. Madankollu kull ħsara li jagħmel "vandalu" tista' titħassar malajr u faċilment. Iżjed problematiċi l-iżbalji li jidħlu fil-paġni mingħajr ma ħadd jinduna bihom, pereżempju bidla fid-data tal-pubblikazzjoni ta' album u d-diskografiji.
F'każi estremi ħafna wikijiet ikollhom paġni li jistgħu jiġu mħarsin mill-modifika. Il-paġni protetti f'Wikipedija, pereżempju, jistgħu jimmodifikawhom biss dawk li jissejħu amministraturi, li jistgħu wkoll jirrevokaw il-protezzjoni. Din id-drawwa hi ġeneralment meqjusa bħala ksur tal-filosofija fundamentali ta' WikiWiki u, għalhekk tiġi kemm jista' jkun evitata.
Tfittix
[immodifika | immodifika s-sors]Il-parti l-kbira tal-wikijiet joffru mill-inqas tfittix bit-titlu, u spiss ikun hemm possibbiltà għal tfittix tat-test sħiħ li janalizza t-test tal-kontenuti. Jekk it-tfittix jistax isir b'aktar reqqa jiddependi minn jekk il-mutur tal-wiki jużax bażi ta' data. Bażi ta' data indiċizzat hu indispensabbli għal tfittix malajr fuq wikijiet kbar. Minflok xi minn daqqiet jistgħu jintużaw muturi ta' tfittix esterni bħal Google fuq wikijiet b'funzjonijiet tat-tfittix limitati biex jinkisbu riżultati iżjed preċiżi.
Muturi tal-wiki
[immodifika | immodifika s-sors]Mutur tal-wiki hu sistema ta' software ta' tip kollaborattiv li biha taħdem sistema tal-wiki. L-implementazzjoni tiegħu ġeneralment tikkonsisti f'programm installat fuq bosta servers li jimmaniġġaw kontenut is-soltu memorizzat f'database marbut magħhom; xi installazzjonijiet però jużaw direttament il-file system tas-server.
Ġew żvluppati numru kbir ta' implementazzjonijiet, b'ħafna lingwaġġi ta' programmazzjoni differenti, minn sempliċi hack, li għandhom biss il-funzjoni ta' bażi, sa sistemi ta' amministrazzjoni tal-kontenut (Content Management System) sofistikati ħafna.
Komunitajiet tal-wiki
[immodifika | immodifika s-sors]Għal min hu interessat li joħloq il-wiki tiegħu, hemm ħafna "wiki-farms" disponibbli, xi wħud minn dawn jimmaniġġaw anki wiki privati, protetti minn password. Il-wiki-farm l-iżjed famuż hi dik ta' "Wikia"[20], imwaqqfa fl-2004 minn Jimmy Wales.
L-ikbar 30 wiki huma mniżżlin fil-lista ta' Biggest Wiki[21].
Biex issib wiki fuq suġġett partikolari li jinteressak segwi il-Wiki Node Network minn wiki għal ieħor. Inkella tista' tieħu tour tal-wikijiet fuq: TourBusStop.
Ġergu
[immodifika | immodifika s-sors]Ċertu numru ta' termini ġergali ħarġu matul l-iżvilupp tal-komunità tal-wiki.
WikiGnome
- Persuna li tikkontribwixxi pożittivament għal wiki permezz ta' korrezzjonijiet u żidit żgħar, u hekk ikun utli imma ġeneralment jibqa' fid-dell.
WikiFairy
- Persuna oħra li tikkollabora pożittivament b'mod partikolari biex issebbaħ il-paġni ta' wiki.
WikiGremlin.
- Il-kontra WikiGnome: xi ħadd li jagħmel il-ħsara permezz ta' modifiki, xi mdaqqiet intelliġenti imma dejjem bi skopijiet ħżiena u negattivi. Dan hu varjanti ta' Vandaliżmu.
Il-kunċett ta' WikiGnome u WikiFairy seta' twieled fuq Welcome Visitors Portland Pattern Repository's Wiki[22], fejn insibu definizzjonijiet oħra u iżjed preċiżi[23][24].
Rikerki xjentifiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Minn twelidha il-wiki stimula r-riċerka xjentifika f'bosta ambiti tal-għarfien, b'mod partikolari fl-ambitu mediku, l-ambitu komunikazzjonali, l-ambitu lingwistiku u soċjoloġiku.
Noti
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Dictionary.oed.com, Oxford English Dictionary
- ^ Encyclopædia Britannica, vol. 1, 2007
- ^ Scott Mitchell, Easy Wiki Hosting, Scott Hanselman's blog, and Snagging Screens MSDN Magazine
- ^ a b Wiki History
- ^ "Tango Desktop Project". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-04-14. Miġbur 2013-04-17.
- ^ "Dotclear Documentation". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-05-29. Miġbur 2013-04-17.
- ^ EagleFaq
- ^ Documentazione della comunità italiana di Ubuntu
- ^ "| Nasgaïa". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-03-07. Miġbur 2013-04-17.
- ^ CPDL, Choral Public Domain Library
- ^ Sensei's Library
- ^ websemantique.org
- ^ xulfr.org
- ^ "Ekopedia". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-02-18. Miġbur 2013-04-17.
- ^ "Wikiartpedia". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-08-28. Miġbur 2013-04-17.
- ^ Anarcopedia
- ^ Wikivoyage
- ^ "Bennilogia". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-09-11. Miġbur 2013-04-17.
- ^ Wiki Markup Standard
- ^ Wikia
- ^ Biggest Wiki
- ^ Welcome Visitors Portland Pattern Repository's Wiki
- ^ Wiki Gnome
- ^ Wiki Faeries
Biblijografija
[immodifika | immodifika s-sors]- Aigrain, Philippe (2003): The Individual and the Collective in Open Information Communities. Is-16-il Konferenza tal-Kummerċ Elettroniku, Bled, Slovenja, 11 ta' Ġunju 2003. [1]
- Aronsson, Lars (2002): Operation of a Large Scale, General Purpose Wiki Website: Experience from susning.nu's first nine months in service. Studju ppreżentat fis-sitt Konferenza Internazzjonali ICCC/IFIP fuq il-Pubblikazzjoni Elettronika, 6-8 ta' Novembru 2002, Karlovy Vary, Repubblika Ċeka. [2]
- Benkler, Yochai (2002): Coase's penguin, or, Linux and The Nature of the Firm. The Yale Law Jounal. v.112, n.3, pp. 369–446.
- Cunningham, Ward and Leuf, Bo (2001): The Wiki Way. Quick Collaboration on the Web. Addison-Wesley, ISBN 0-201-71499-X.
- Delacroix, Jérôme (2005): Les wikis, espaces de l'intelligence collective M2 Editions, Pariġi, ISBN 2-9520514-4-5.
- Nakisa, Ramin (2003): Wiki Wiki Wah Wah. Linux User and Developer v.29, pp. 42–48. [3]
- Remy, Melanie. (2002): Wikipedia: The Free Encyclopedia. Online Information Review. v.26, n.6, pp. 434.
Ħoloq esterni
[immodifika | immodifika s-sors]Muturi tal-wiki
[immodifika | immodifika s-sors]Enċiklopediji bil-wiki
[immodifika | immodifika s-sors]- Wikipedia
- Ekopedia Enċiklopedija tal-ekoloġija
- (EN) Disinfopedia, L-enċiklopedija tal-propaganda
- WikiKto, l-Enċiklopedija Kattolika ħielsa