iBet uBet web content aggregator. Adding the entire web to your favor.
iBet uBet web content aggregator. Adding the entire web to your favor.



Link to original content: https://mt.wikipedia.org/wiki/Pasargadae
Pasargadae - Wikipedija Aqbeż għall-kontentut

Pasargadae

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Qabar ta' Cyrus il-Kbir f'Pasargadae.

Pasargadae (pronunzjata: /pə'sɑrgədi/; minn Pāθra-gadā, litteralment "mazza protettiva" jew "mazza b'saħħitha"; bil-Persjan Modern: پاسارگاد Pāsārgād)[1] kienet il-belt kapitali tal-Imperu Akemenid taħt Cyrus il-Kbir (559-530 Q.K.). Illum hija sit arkeoloġiku li jinsab fit-Tramuntana tar-raħal ta' Madar-e-Soleyman u madwar 90 kilometru (56 mil) fil-Grigal tal-belt moderna ta' Shiraz u hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2] Is-sit jitqies bħala l-post fejn hemm il-Qabar ta' Cyrus, qabar li qabel kien attribwit li kien f'Madar-e-Soleyman, "Omm Salamun".

Veduta ta' Pasargadae mill-għolja ta' Toll-e Takht. L-eqreb binja għall-qabar attribwit lil Cambyses II u l-iżjed binja 'l bogħod li tidher fiċ-ċentru fin-naħa ta' fuq tar-ritratt hija l-Qabar ta' Cyrus il-Kbir. Bejn dawn iż-żewġ binjiet, jidhru l-fdalijiet tal-palazzi tal-Akemenidi.

Pasargadae ġiet stabbilita fis-seklu 6 Q.K. bħala l-ewwel belt kapitali tal-Imperu Akemenid minn Cyrus il-Kbir, qrib is-sit tar-rebħa tiegħu kontra r-Re Medjan Astyages fil-550 Q.K. Il-belt baqgħet il-belt kapitali Akemenida sa meta Darius ittrasferiha lejn Persepolis.[3]

Is-sit arkeoloġiku jkopri erja ta' 1.6 kilometru kwadru (0.62 mili kwadri) u jinkludi struttura li hija maħsuba b'mod ġenerali bħala l-mawżolew ta' Cyrus, il-fortizza ta' Toll-e Takht fil-quċċata ta' għolja fil-qrib, u l-fdalijiet ta' żewġ palazzi u ġonna rjali. Il-Ġonna Persjani ta' Pasargadae huma l-iżjed eżempju bikri magħruf ta' chahar bagh Persjan, jiġifieri d-disinn ta' erba' ġonna fi ġnien wieħed.

Il-fdalijiet tal-qabar ta' iben Cyrus u s-suċċessur tiegħu Cambyses II instabu f'Pasargadae, qrib il-fortizza ta' Toll-e Takht, u ġew identifikati fl-2006.[4]

Id-Daħla R, li tinsab fit-tarf tal-Lvant taż-żona tal-palazz, hija l-eqdem propylaeum eżistenti magħruf. Jaf kien il-predeċessur arkitettoniku tad-Daħla tan-Nazzjonijiet Kollha f'Persepolis.[5]

Qabar ta' Cyrus il-Kbir

[immodifika | immodifika s-sors]
"Jien Cyrus ir-re, Akemenid" bil-Persjan Antik, bl-Elamit u bl-Akkadjan, imnaqqxin f'kolonna f'Pasargadae.

L-iżjed monument importanti f'Pasargadae huwa l-qabar ta' Cyrus il-Kbir. Għandu sitt tarġiet wesgħin li jagħtu għas-sepulkru, b'kompartiment twil 3.17 metri (10.4 piedi), wiesa' 2.11 metri (6 piedi 11-il pulzier) u għoli 2.11 metri (6 piedi 11-il pulzier), u b'daħla baxxa u dejqa. Għalkemm ma hemm l-ebda evidenza soda li tidentifika l-qabar bħala dak ta' Cyrus, l-istoriċi Griegi jsostnu li Alessandru Manju kien jemmen li kien proprju l-qabar tiegħu. Meta Alessandru Manju seraq ir-rikkezzi ta' Persepolis u qeridha, huwa żar il-qabar ta' Cyrus. Arrian, li kiteb fis-seklu 2 W.K., iddokumenta li Alessandru Manju kkmanda lil Aristobulus, wieħed mill-ġellieda tiegħu, biex jidħol fil-monument. Fuq ġewwa sab sodda tad-deheb, sett tal-pużati bil-platti u bit-tazzi, tebut tad-deheb, xi ornamenti bil-ħaġar prezzjuż u kitba mnaqqxa fuq il-qabar. Ma għadha teżisti l-ebda kitba mnaqqxa llum il-ġurnata, u hemm nuqqas ta' qbil kbir dwar il-formulazzjoni eżatta tat-test. Strabo u Arrian iddokumentaw li kienet:[6]

Inti li qed iżżurni, jien Cyrus, li tajt imperu lill-Persjani, u kont ir-re tal-Asja. Għalhekk għandi dan il-monument.

Id-disinn tal-qabar ta' Cyrus huwa akkreditat li ġie ispirat miż-żiggurat tal-Mesopotamja jew Elamiti, iżda ċ-ċella normalment tiġi attribwita lill-oqbra Urartu ta' perjodu iktar bikri. B'mod partikolari, il-qabar f'Pasargadae għandu kważi l-istess dimensjonijiet bħall-qabar ta' Alyattes, missier ir-re Lidjan Croesus; madankollu, uħud irrifjutaw din l-istqarrija (skont Erodotu, Croesus ma nqatilx minn Cyrus matul il-ħakma ta' Lidja, u sar membru tal-qorti ta' Cyrus). It-tiżjin prinċipali fuq il-qabar huwa disinn ta' rożetta fuq id-daħla. Inġenerali, l-arti u l-arkitettura li nstabu f'Pasargadae jiġbru fihom is-sinteżi Persjana ta' diversi tradizzjonijiet, abbażi ta' preċedenti minn Elam, il-Babilonja, l-Assirja, u l-Eġittu tal-Qedem, flimkien ma' xi influwenzi mill-Anatolja.[7]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sit arkeoloġiku ta' Pasargadae ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]

Minċotti tal-kostruzzjoni f'Pasargadae.

L-ewwel belt kapitali tal-Imperu Akemenid, Pasargadae, tinsab fi stat ta' fdalijiet 40 kilometru minn Persepolis, fil-provinċja attwali ta' Fars, fl-Iran. Il-ġonna kienu ta' importanza kbira fil-kultura Persjana, u l-kumpless tal-palazz kien magħmul minn għadd estensiv ta' ġonna mill-Qabar ta' Cyrus sa fortizza magħrufa bħala dik ta' Tall-i Takht, madwar tliet kilometri 'l bogħod, b'diversi palazzi u binjiet oħra. L-arkitettura kienet tinkludi elementi ta' tiżjin Elamit, Eġizzjan jew Feniċju kif ukoll tekniki tal-kostruzzjoni Griegi Joniċi, li jagħtu ħjiel tax-xewqa ta' Cyrus li jirrifletti s-setgħa rjali imperjali iktar milli sempliċement dik nazzjonali.[8]

Is-sit arkeoloġiku ta' Pasargadae ġie esplorat b'mod xjentifiku għall-ewwel darba mill-arkeologu Ġermaniż Ernst Herzfeld fl-1905, u fi staġun wieħed ta' skavi fl-1928, flimkien mal-assistent tiegħu Friedrich Krefter.[9] Mill-1946, id-dokumenti, il-kotba tan-noti, ir-ritratti, il-frammenti ta' pitturi ta' mal-ħitan u l-bċejjeċ tal-fuħħar mill-iskavi bikrin ġew ippreservati fil-Gallerija tal-Arti ta' Freer tal-Istituzzjoni Smithsonian, f'Washington, DC. Wara Herzfeld, Sir Aurel Stein temm pjanta tas-sit għal Pasargadae fl-1934.[10] Fl-1935, Erich F. Schmidt ħa sensiela ta' ritratti mill-ajru tal-kumpless kollu.[11]

Mill-1949 sal-1955, tim Iranjan immexxi minn Ali Sami ħadem fis-sit. Tim tal-Istitut Brittaniku tal-Istudji Persjani mmexxi minn David Stronach kompla bl-iskavi mill-1961 sal-1963. Matul is-snin 60 tas-seklu 20, ġabra kbira ta' bċejjeċ tal-fuħħar b'kontenut ta' valur, magħrufa bħala t-Teżor ta' Pasargadae, ġiet skavata qrib il-pedamenti tal-"Paviljun B" tas-sit. It-teżor imur lura għas-sekli 5-4 Q.K. u jikkonsisti minn ġojjellerija Akemenida elaborata magħmula mid-deheb u mill-ħaġar prezzjuż, u issa jinsab fil-Mużew Nazzjonali tal-Iran u fil-Mużew Brittaniku. Ġie ssuġġerit li t-teżor kien ġie midfun bħala azzjoni sussegwenti mal-approċċ ta' Alessandru Manju u l-armata tiegħu, u mbagħad baqa' midfun hemmhekk, x'aktarx bħala riżultat ta' vjolenza fis-sit.

Wara xi żmien, ix-xogħol tkompla mill-Organizzazzjoni għall-Wirt Kulturali Iranjan u mill-Maison de l'Orient et de la Méditerranée tal-Università ta' Lyon fis-sena 2000. Il-kumpless huwa wieħed mis-siti ta' wirt kulturali ewlenin għat-turiżmu fl-Iran.[12]

Kontroversja tad-Diga ta' Sivand

[immodifika | immodifika s-sors]

Kien hemm tħassib kbir rigward id-Diga proposta ta' Sivand, imsejħa hekk minħabba r-raħal fil-qrib tal-istess isem. Minkejja li l-ippjanar kien estiż fuq 10 snin, l-Organizzazzjoni għall-Wirt Kulturali Iranjan ma kinitx mgħarrfa dwar iż-żoni usa' ta' għargħar matul dan iż-żmien.

Il-kollokazzjoni tagħha bejn il-fdalijiet ta' Pasargadae u ta' Persepolis, tħasseb lil bosta arkeologi u Iranjani li d-diga tista' tgħerreq lil dawn is-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, għalkemm ix-xjenzati involuti fil-kostruzzjoni jsostnu li dan mhux se jiġri minħabba li s-siti qegħdin 'il fuq mil-linja tal-ilma ppjanata. Miż-żewġ siti, Pasargadae huwa dak li jitqies li huwa l-iktar mhedded. L-esperti jaqblu li l-ippjanar ta' proġetti ta' digi futuri fl-Iran se jkun jeħtieġ eżaminazzjoni iktar bikrija tar-riskji għar-riżorsi kulturali.

L-arkeologi pjuttost jaqblu lkoll li l-effett taż-żieda fl-umdità kkawżat mil-lag huwa ta' tħassib. Kollha jaqblu li l-umdità li qed tinħoloq se tħaffef il-qerda ta' Pasargadae, għalkemm xi esperti mill-Ministeru għall-Enerġija jemmnu li dan jista' jiġi parzjalment ikkumpensat permezz tal-kontroll tal-livell tal-ilma tal-ġibjun.

Il-kostruzzjoni tad-diga bdiet fid-19 ta' April 2007 u l-għoli tal-linja tal-ilma ġie limitat sabiex tittaffa l-ħsara kkawżata lill-fdalijiet.

Fil-kultura popolari

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Qabar ta' Cyrus il-Kbir fil-perjodu tal-Qajar.

Fl-1930, il-poeta Brażiljan Manuel Bandeira ppubblika poeżija msejħa "Vou-me embora pra Pasárgada" ("Se nerħilha lejn Pasargadae" bil-Portugiż), fi ktieb bit-titlu Libertinagem. Fiha jirrakkonta l-ġrajja ta' raġel li jrid imur sa Pasargadae, deskritta fil-poeżija bħala belt utopika. Manuel Bandeira sema' b'isem Pasargadae għall-ewwel darba meta kellu 16-il sena, meta qara ktieb ta' awtur Grieg. L-isem Persjan fakkru f'affarijiet sbieħ, b'hekk daħħalha f'rasu li kien post ta' trankwillità u ta' sbuħija. Snin wara, fl-appartament tiegħu, waqt mument ta' niket u ansjetà, ġietu l-idea li jikteb il-poeżija "Vou-me embora pra Pasárgada", li daħlet sew fl-immaġinazzjoni kollettiva tal-Brażiljani sal-lum.

  1. ^ Gershevitch, Ilya, "Iranian Nouns and Names in Elamite Garb", Transactions of the Philological Society 68 (1), pp. 167-200, 1969 (1970).
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Pasargadae". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-30.
  3. ^ "Pasargadae | Ancient Persian City, Cyrus the Great's Capital | Britannica". www.britannica.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-30.
  4. ^ "CHN | News". web.archive.org. 2009-11-29. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-11-29. Miġbur 2023-12-30.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ Foundation, Encyclopaedia Iranica. "Welcome to Encyclopaedia Iranica". iranicaonline.org (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-30.
  6. ^ "Arrian on the tomb of Cyrus - Livius". www.livius.org. Miġbur 2023-12-30.
  7. ^ Ferrier, Ronald W (1989), The Arts of Persia, Yale University Press, ISBN 978-0-300-03987-0.
  8. ^ Lynette Mitchell, A Persian King and his Garden, in Omnibus no 86 (2023), The Classical Association, Rickmansworth.
  9. ^ Herzfeld, E (1929), Bericht über die Ausgrabungen von Pasargadae 1928 (bil-Ġermaniż), vol. 1, Archäologische Mitteilungen aus Iran, pp. 4-16,
  10. ^ Stein, A (1936), An Archaeological Tour in Ancient Persis, Iraq, vol. 3, pp. 217-220.
  11. ^ Schmidt, Erich F (1940), Flights Over Ancient Cities of Iran (PDF), University of Chicago Oriental Institute, University of Chicago Press, ISBN 978-0-918986-96-2.
  12. ^ Butler, Richard; O'Gorman, Kevin D.; Prentice, Richard (2012-07-01). "Destination Appraisal for European Cultural Tourism to Iran". International Journal of Tourism Research. 14 (4): 323–338.