Kutná Hora
Kutná Hora | |||
---|---|---|---|
Repubblika Ċeka | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
Pajjiż | Repubblika Ċeka | ||
Regions of the Czech Republic | Reġjun tal-Boemja Ċentrali | ||
District of the Czech Republic | Distrett ta' Kutna Hora | ||
Kap tal-Gvern | Lukáš Seifert (en) | ||
Isem uffiċjali |
Kuttenberg Kutná Hora | ||
Ismijiet oriġinali | Kutná Hora | ||
Kodiċi postali |
284 01, 284 03u 284 04 | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 49°56′53″N 15°16′05″E / 49.948°N 15.268°EKoordinati: 49°56′53″N 15°16′05″E / 49.948°N 15.268°E | ||
Superfiċjenti | 33.071625 kilometru kwadru | ||
Għoli | 254 m | ||
Fruntieri ma' | Grunta (en) , Libenice (en) , Církvice (en) , Nové Dvory (en) , Třebešice (en) , Křesetice (en) , Malešov (en) , Miskovice (en) , Hlízov (en) u Kluky (en) | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 21,556 abitanti (1 Jannar 2024) | ||
Informazzjoni oħra | |||
bliet ġemellati | Kamianets-Podilskyi, Reims, Egeru Tarnowskie Góry | ||
kutnahora.cz |
Kutná Hora (pronunzja Ċeka: [ˈkutnaː ˈɦora]; biċ-Ċek Medjevali: Hory Kutné; bil-Ġermaniż: Kuttenberg) huwa raħal fir-Reġjun tal-Boemja Ċentrali tar-Repubblika Ċeka, b’popolazzjoni ta’ madwar 21,000 ruħ.[1] Iċ-ċentru storiku tar-raħal, flimkien mal-Knisja ta’ Santa Barbara u l-Katidral tal-Madonna ta’ Sedlec, tniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995.[2]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Twaqqif
[immodifika | immodifika s-sors]L-iktar traċċi bikrin tal-fidda li nstabu jmorru lura għas-seklu 10, meta l-Boemja kienet diġà ilha f’salib it-toroq tar-rotot kummerċjali fuq distanzi twal għal bosta sekli. Id-dinari tal-fidda li nstabu f’Kutná Hora jmorru lura għal bejn id-982 u d-995 u kienu jintużaw fl-insedjament ta’ Malín, li issa huwa parti mir-raħal ta’ Kutná Hora.[3]
Ir-raħal twaqqaf fl-1142 bl-insedjament tal-Abbazija ta’ Sedlec, l-ewwel monasteru Ċisterċens fil-Boemja. L-Ordni taċ-Ċisterċensi bbażata fil-monasteru ta’ Sedlec oriġinat mill-Abbazija Imperjali ta’ Waldsassen fil-Bavarja, il-Ġermanja, qrib il-fruntiera mar-Repubblika Ċeka. Fl-1260, minaturi Ġermaniżi bdew jagħmlu xogħol fil-minjieri għall-estrazzjoni tal-fidda mir-reġjun muntanjuż, li huma sejħu Kuttenberg, u li kien parti mill-proprjetà tal-monasteru. L-isem tar-reġjun muntanjuż jingħad li ġej mill-kapoċċi tal-patrijiet (Kutten bil-Ġermaniż) jew minn kutání biċ-Ċek antik li tfisser xogħol fil-minjieri.[3]
Medju Evu
[immodifika | immodifika s-sors]Bejn is-sekli 13 u 16, ir-raħal kien jikkompeti mal-belt kapitali Praga ekonomikament, kulturalment u politikament.[4] Taħt is-Superjur tal-patrijiet Heinrich Heidenreich, it-territorju tar-raħal mar tajjeb ħafna permezz tal-minjieri tal-fidda li kisbu importanza sinifikanti matul it-tkabbir ekonomiku tas-seklu 13.
Fis-sena 1300, ir-re Wenceslaus II tal-Boemja ħareġ kodiċi rjali ġdid dwar ix-xogħol fil-minjieri msejjaħ Ius regale montanorum (magħruf ukoll bħala Constitutiones Iuris Metallici Wenceslai II). Dan kien dokument ġuridiku li kien jispeċifika t-termini u l-kundizzjonijiet amministrattivi kif ukoll tekniċi li kienu meħtieġa għat-tħaddim tal-minjieri. Il-muniti tal-fidda magħrufa bħala groschen ta’ Praga ġew izzekkati bejn l-1300 u l-1547/48.[3]
F’Diċembru 1402, ir-rikkezzi tar-raħal insterqu mill-Imperatur Sigismundu wara li Wenceslaus IV intefa’ l-ħabs. Minkejja dan, ir-raħal ġie difiż bil-qawwa mir-residenti tiegħu. Fil-fatt, minkejja li l-Imperatur Sigismundu rnexxa fil-konkwista tiegħu, l-uffiċjal militari tiegħu Markvart von Aulitz inqatel bi vleġġa matul l-assedju tas-27 ta’ Diċembru 1402.[5][6] Fl-2018, fl-immaġinazzjoni tal-logħba elettronika Kingdom Come: Deliverance, Markvart huwa rrappreżentat bħala l-antagonista.[7]
Ir-raħal ta’ Kutná Hora żviluppa malajr ħafna, u fiż-żmien meta faqqgħu l-Gwerer Ħussiti fl-1419, ir-raħal kien it-tieni l-iktar raħal importanti fil-Boemja wara Praga. Ir-raħal sar ir-residenza ppreferuta ta’ diversi rejiet tal-Boemja. Fit-18 ta’ Jannar 1409, Wenceslaus IV iffirma d-Digriet famuż ta’ Kutná Hora proprju fir-raħal. Permezz ta’ dan id-digriet, l-università Ċeka ngħatat tliet voti fl-elezzjonijiet tal-fakultà tal-Università ta’ Praga minflok vot wieħed bħall-universitajiet ta’ nazzjonijiet oħra.[3]
Fl-1420, l-Imperatur Sigismundu stabbilixxa r-raħal bħala l-bażi tiegħu għall-attakk kontra t-Taboriti li ma rnexxiex matul il-Gwerer Ħussiti, qabel il-Battalja ta’ Kutná Hora. Ir-raħal ta’ Kuttenberg (Kutná Hora) ittieħed minn Jan Žižka, u wara rikonċiljazzjoni temporanja bejn il-partijiet li ħadu sehem fil-battalja ngħata n-nar mit-truppi imperjali fl-1422, biex jipprevjenu li terġa’ tispiċċa f’idejn it-Taboriti. Madankollu, Žižka ħataf ir-raħal u taħt il-patroċinju tal-Boemja reġgħet gawdiet perjodu ta’ prosperità.[3]
Era moderna
[immodifika | immodifika s-sors]Flimkien mal-bqija tal-Boemja, Kuttenberg (Kutná Hora) għadda għand il-monarkija tal-Asburgi tal-Awstrija fl-1526. Fl-1546, l-iktar minjiera rikka bil-fidda ġarrbet għargħar gravi. Fir-rewwixta tal-Boemja kontra Ferdinandu I, ir-raħal tilef il-privileġġi kollha li kellu. Barra minn hekk, l-imxija ripetuta tal-pesta u l-ħerba tal-Gwerra tat-Tletin Sena kienu d-daqqa tal-mewt tar-raħal. It-tentattivi ta’ nofs kedda li kien hemm fil-perjodu ta’ paċi biex il-minjieri rvinati jiġu rkuprati fallew; ir-raħal tfaqqar, u fl-1770 ġie devastat min-nirien. Il-minjieri ġew abbandunati lejn l-aħħar tas-seklu 18.[3]
F’Mejju 1742, matul l-Ewwel Gwerra tas-Silesja, forza tal-Prussja mmexxija minn Federiku l-Kbir waqqfet fir-raħal qabel il-Battalja ta’ Chotusitz.[8]
Il-Boemja kienet l-art prinċipali tal-Imperu Awstrijaku fl-1806, u baqgħet ikkontrollata mill-monarkija Awstrijaka wara li kompromess li ntlaħaq fl-1867. Sal-1918, Kuttenberg kien il-kapitali tad-distrett ta’ Kuttenberg, wieħed minn 94 Bezirkshauptmannschaften (lokalitajiet distrettwali) fil-Boemja.[9] Flimkien mal-bqija tal-Boemja, ir-raħal sar parti miċ-Ċekoslovakkja li twaqqfet wara l-Ewwel Gwerra Dinjija u l-isfaxxar tal-Imperu Awstro-Ungariku.
Kutná Hora ġie inkorporat fil-Protettorat tal-Boemja u tal-Moravja mill-Ġermanja Nażista fil-perjodu bejn l-1939 u l-1945, iżda reġa’ ngħadda liċ-Ċekoslovakkja wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Ir-raħal sar parti mir-Repubblika Ċekja fl-1993, wara li ċ-Ċekoslovakkja nqasmet f’żewġ pajjiżi.
Arkitettura
[immodifika | immodifika s-sors]Mill-1995, iċ-ċentru storiku tar-raħal tniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[2] Fin-nominazzjoni tas-sit u sussegwentement fit-titlu tiegħu ssir enfasi b’mod ewlieni fuq il-Knisja ta’ Santa Barbara u l-Abbazija u l-Knisja tal-Għadam ta’ Sedlec. Huwa stmat li l-Knisja tal-Għadam ta’ Sedlec hija ddekorata bl-għadam ta’ iktar minn 40,000 skeletru.[10]
Fost l-iżjed binjiet importanti tar-raħal hemm il-Knisja ta’ Santa Barbara, b’ħames navati, li nbniet fl-1388, u l-Palazz Taljan, li qabel kien residenza rjali u zekka, li nbena lejn l-aħħar tas-seklu 13. Id-Dar Gotika, li mill-1902 intużat bħala mużew, fiha wieħed mill-iktar arkivji rikki fil-pajjiż. Il-Knisja Gotika ta’ San Ġakbu, bit-torri tal-kampnar tagħha għoli 86 metru, hija binja prominenti oħra f’Kutná Hora.[3]
Attrazzjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]- Il-Knisja ta’ Santa Barbara
- Il-Knisja tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna u ta’ San Ġwann Battista
- Il-Katidral u l-Knisja tal-Għadam tal-Madonna ta’ Sedlec
- Il-Knisja ta’ San Ġakbu
- Il-Knisja ta’ San Ġwann ta’ Nepomuk
- Il-Knisja tal-Kunvent tal-Ursolini
- Il-Kulleġġ tal-Ġiżwiti
- Il-Palazz Taljan
- Il-Kolonna ddedikata lill-Madonna
Sit ta’ Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Iċ-ċentru storiku tar-raħal ta’ Kutná Hora, flimkien mal-Knisja ta’ Santa Barbara u l-Katidral tal-Madonna ta’ Sedlec, ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1995.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”, ladarba n-nisġa urbana ta’ Kutná Hora fiha bosta binjiet ta’ kwalità arkitettonika u artistika għolja, b’mod partikolari l-Knisja ta’ Santa Barbara, li kellhom influwenza kbira fuq l-iżviluppi sussegwenti fl-arkitettura tal-Ewropa Ċentrali; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”, ladarba s-sit huwa eżempju straordinarju ta’ raħal Medjevali li kien kiseb il-ġid u l-prosperità tiegħu permezz tal-minjieri tal-fidda.[2]
Nies notevoli
[immodifika | immodifika s-sors]- Jakob Jakobeus (1591-1645), kittieb Slovakk
- Michal Lesák, plejer tal-futbol
- Jan Erazim Vocel (1803-1871), poeta, arkeologu, storiku u mexxej tal-laqgħat tat-tħeġġiġ tal-ispirtu reliġjuż
- František Zelenka (1904-1944), arkitett, grafiku, u disinjatur tal-palk u tal-kostumi
Ġemellaġġ
[immodifika | immodifika s-sors]Kutná Hora huwa ġemellat ma’:[11]
- Bingen am Rhein, il-Ġermanja
- Eger, l-Ungerija
- Fidenza, l-Italja
- Jajce, il-Bożnja-Ħerzegovina
- Kamianets-Podilskyi, l-Ukrajna
- Kremnica, is-Slovakkja
- Reims, Franza
- Ringsted, id-Danimarka
- Stamford, l-Ingilterra, ir-Renju Unit
- Tarnowskie Góry, il-Polonja
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Population of Municipalities - 1 January 2020". Population of Municipalities - 1 January 2020 (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-31.
- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Kutná Hora: Historical Town Centre with the Church of St Barbara and the Cathedral of Our Lady at Sedlec". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-31.
- ^ a b ċ d e f ġ Sváček, Libor (2015). UNESCO. pp. 50–59. ISBN 978-80-7339-067-9.
- ^ "Kutna Hora Czech Republic, Kuttenberg - Hotels, Virtual Tours, Basic Facts, Sights, One-day Trips, Transport". www.discoverczech.com. Miġbur 2021-03-31.
- ^ Zap, Karel Vadislav (1882). Česko-moavská kronika (biċ-Ċek). I.L. Kober. p. 552. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt:
|iktar=
(għajnuna) - ^ Rieger, Frantisek Ladislav. Slovnik naucny: S - Szyttler (biċ-Ċek). Kober. p. 1115.
- ^ Warhorse Studios (February 13, 2018). Kingdom Come: Deliverance. Deep Silver. Level/area: Run!.
I am Sir Markvart von Aulitz, I come in the name of Sigismund of Luxembourg, King of Hungary and Croatia, to restore order in the name of his brother, King Wenceslas IV.
- ^ Berry, Jeff (2013-03-30). "Obscure Battles: Chotusitz 1742". Miġbur 2021-03-31.
- ^ Wilhelm Klein (1967). Die postalischen Abstempelungen auf den österreichischen Postwertzeichen-Ausgaben 1867, 1883 und 1890.
- ^ "Kutná Hora: The Silver City | Foreigners.cz Blog". blog.foreigners.cz (bl-Ingliż). 2020-07-28. Miġbur 2021-03-31.
- ^ Hora, Město Kutná. "Partnerská města". Kutná Hora - městský informační portál (biċ-Ċek). Miġbur 2021-03-31.