Cusco
Cusco | |||
---|---|---|---|
Perù | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
Stat sovran | Perù | ||
Department of Peru | Dipartiment ta' Cusco | ||
Province of Peru | Provinċja ta' Cusco | ||
Kap tal-Gvern | Luis Pantoja Calvo (en) | ||
Isem uffiċjali | Cusco | ||
Ismijiet oriġinali | Qusqu | ||
Kodiċi postali |
08000 | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 13°31′20″S 71°59′00″W / 13.522222°S 71.983333°WKoordinati: 13°31′20″S 71°59′00″W / 13.522222°S 71.983333°W | ||
Superfiċjenti | 385±1 kilometru kwadru, 142.48 hectare, 284.93 hectare | ||
Għoli | 3,399 m | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 428,450 abitanti (2017) | ||
Informazzjoni oħra | |||
Fondazzjoni | Il-ĠimgħaambUTCIl-Ġimgħau 13 century | ||
Kodiċi tat-telefon |
84 | ||
Żona tal-Ħin | UTC-5 | ||
bliet ġemellati | La Paz, Samarkanda, Ateni, Belt tal-Messiku, Betlem, Xi'an, Rio de Janeiro, Krakovja, Chartres, Baguio, Santa Rosa de Copán, Cuenca, Ħavana, Ġerusalemm, Kjoto, Moska, Belt ta' Jersey, Potosí, Santa Barbara, Kaesongu Quetzaltenango |
Cusco jew Cuzco (pronunzja: [ˈkusko]; bil-Quechua: Qusqu ([ˈqɔsqɔ])) hija belt fix-Xlokk tal-Perù qrib il-Wied ta' Urubamba tal-katina muntanjuża tal-Andes. Hija l-belt kapitali tar-Reġjun ta' Cusco u tal-Provinċja ta' Cusco. Il-belt hija s-seba' l-iktar popolata fil-Perù; fl-2017 kellha popolazzjoni ta' 428,450 ruħ. L-elevazzjoni tagħha hi madwar 3,400 metru (11,200 pied).
Il-belt kienet il-belt kapitali tal-Imperu Inka mis-seklu 13 sal-konkwista Spanjola fis-seklu 16. Fl-1983, Cusco tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Saret destinazzjoni turistika ewlenija u tospita kważi żewġ miljun viżitatur fis-sena. Il-Kostituzzjoni tal-Perù (1993) tiddeżinjaha bħala Kapitali Storika tal-Perù.[2]
Ortografija u etimoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]L-isem indiġenu ta' din il-belt hu Qusqu. Għalkemm l-isem kien jintuża bil-Quechua tan-Nofsinhar, oriġina fil-lingwa Aymara. L-isem ġej mill-frażi qusqu wanka ("blata tal-kokka"), b'rabta mal-leġġenda tal-aħwa Ayar dwar l-istabbiliment tal-belt. Skont din il-leġġenda, Ayar Awqa (Ayar Auca) kiseb il-ġwienaħ u tar lejn is-sit tal-belt futura; hemmhekk ġie ttrasformat fi blata sabiex jimmarka l-pussess tal-art mill-ayllu ("l-arblu tar-razza") tiegħu:[3]
Imbagħad Ayar Oche qam bilwieqfa, tfaċċawlu par ġwienaħ kbar, u qal li kellu jkun dak li kellu jibqa' fi Guanacaure bħala idolu sabiex jitkellem ma' missierhom, ix-Xemx. Imbagħad mar fil-quċċata tal-għolja. Malli wasal fis-sit fejn kellhom jibqa' bħala idolu, Ayar Oche tar fis-sema, tant fl-għoli li ma setgħux jarawh. Huwa reġa' lura u qal lil Ayar Manco li minn hemm 'il quddiem kellu jibda jissemma bħala Manco Capac. Ayar Oche ġie minn fejn kien hemm ix-Xemx u x-Xemx ordnat lil Ayar Manco jieħu dak l-isem u jmur fil-post li kienu raw. Wara li dan intqal mill-idolu, Ayar Oche inbidel f'blata, kif kien, bil-ġwienaħ b'kollox. Iktar 'il quddiem, Manco Capac niżel ma' Ayar Auca lejn l-insedjament tagħhom... huwa kien jogħġbu l-post li issa huwa okkupat minn Cusco. Manco Capac u sieħbu, bl-għajnuna ta' erba' nisa, bnew dar. B'hekk, Manco Capac u sieħbu, flimkien mal-erba' nisa, żergħu l-qamħirrun f'xi raba'. Jingħad li ħadu l-qamħirrum mill-għar, li Manco Capac kien semma bħala Pacaritambo, li tfisser dawk li oriġinaw.... għaliex ħarġu minn dak l-għar.[4]
Il-konkwistaturi (suldati) Spanjoli adottaw l-isem lokali, u ttraskrivewh skont il-fonetika tal-Ispanjol bħala Cuzco jew, inqas frekwenti, Cozco. Cuzco kienet l-ortografija standard fuq id-dokumenti u l-kronaka uffiċjali fiż-żminijiet kolonjali,[5] għalkemm Cusco kienet tintuża wkoll. Cuzco, pronunzjata bħall-Ispanjol tas-seklu 16, milli jidher kienet pjuttost qrib tal-pronunzja tal-Quechua lokali tal-isem dak iż-żmien.[6]
Peress li kemm il-pronunzja tal-Ispanjol kif ukoll dik tal-Quechua evolvew minn dak iż-żmien, il-pronunzja bl-Ispanjol ta' "z" ma għadhiex daqshekk qrib il-pronunzja bil-Quechua. Fl-1976, is-sindku tal-belt iffirma ordinanza li pprojbixxiet l-ortografija tradizzjonali u li ordnat l-użu tal-ortografija l-ġdida, Cusco, fil-pubblikazzjonijiet tal-muniċipalità. Dsatax-il sena wara, fit-23 ta' Ġunju 1990, l-awtoritajiet lokali fformalizzaw ortografija ġdida iktar qrib dik tal-Quechua, Qosqo, iżda l-amministrazzjonijiet li ġew wara ma komplewx jużawha.[7]
Ma hemm l-ebda ortografija internazzjonali uffiċjali tal-isem tal-belt. F'bosta pubblikazzjonijiet internazzjonali, pereżempju bl-Ingliż, l-isem jiġi spellut kemm bl-"s"[8][9] kif ukol biz-"z"[1]. L-Oxford Dictionary of English u l-Merriam-Webster Dictionary jippreferu "Cuzco",[10][11] u fil-kitbiet akkademiċi "Cuzco" tintuża iktar spiss minn "Cusco". Il-kodiċi tal-ajruport internazzjonali tal-belt huwa CUZ, u għaldaqstant jirrifletti l-ortografija Spanjola bikrija.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Kronoloġija ta' Cusco
[immodifika | immodifika s-sors]Affiljazzjonijiet storiċi:
Ir-Renju ta' Cusco, 1197-1438;
L-Imperu tal-Inka, 1438-1532;
Ir-Renju ta' Spanja – l-Asburgi (il-Governorat ta' Kastilja l-Ġdida u l-Viċirenju tal-Perù), 1532-1700;
Ir-Renju ta' Spanja – il-Borboni (il-Viċirenju tal-Perù), 1700-1808;
Ir-Renju ta' Spanja – Napuljun Bonaparte (il-Viċirenju tal-Perù), 1808-1813;
Ir-Renju ta' Spanja – il-Borboni (il-Viċirenju tal-Perù), 1813-1821;
Il-Protettorat tal-Perù, 1821-1822;
Il-Perù, 1822-1836;
Il-Konfederazzjoni tal-Perù u l-Bolivja (ir-Repubblika tan-Nofsinhar tal-Perù), 1836-1839;
Il-Perù, 1839-preżent.
Kultura Killke
[immodifika | immodifika s-sors]Il-poplu Killke okkupa r-reġjun mid-900 sal-1200 W.K., qabel il-wasla tal-Inka fis-seklu 13. Id-datazzjoni tal-karbonju-14 ta' Saksaywaman, il-kumpless imdawwar bil-ħitan 'il barra minn Cusco, stabbiliet li l-poplu Killke bnew il-fortizza għall-ħabta tal-1100. Iktar 'il quddiem, l-Inka kabbru u okkupaw il-kumpless fis-seklu 13. F'Marzu 2008, l-arkeologi skoprew il-fdalijiet ta' tempju, triq u sistema ta' akkwedotti tal-qedem f'Saksaywaman. It-tempju jkopri xi 2,700 pied kwadru (250 metru kwadru) u fih 11-il sala li hu maħsub li kien fihom idoli u mummji għal skopijiet reliġjużi. Flimkien mar-riżultati tal-iskavi fl-2007, meta nstab tempju ieħor fit-tarf tal-fortizza, dawn jindikaw użu reliġjuż kif ukoll militari fit-tul.
Storja tal-Inka
[immodifika | immodifika s-sors]Cusco kienet ċentru importanti fit-tul ta' nies indiġeni. Kienet il-belt kapitali tal-Imperu Inka (mis-seklu 13 sal-1532). Bosta jemmnu li l-belt ġiet ippjanata bħala effiġju b'għamla ta' puma, li kien annimal sagru. Għadu ma ġiex iddeterminat kif Cusco inbniet speċifikament, jew kif inqatgħu l-ġebliet kbar tagħha fil-barrieri jew kif ġew ittrasportati minnhom. Taħt l-Inka, il-belt kellha żewġ setturi: l-urin u l-hanan. Kull settur kien maqsum biex jinkorpora tnejn mill-erba' provinċji, Chinchasuyu (fil-Majjistral), Antisuyu (fil-Grigal), Kuntisuyu (fil-Lbiċ) u Qullasuyu (fix-Xlokk). Triq kienet tagħti minn kull kwartier sal-kwartier korrispondenti tal-imperu.
Kull mexxej lokali kien meħtieġ jibni dar fil-belt u jgħix parti mis-sena f'Cusco, ristrett għall-kwartier li kien jikkorrispondi għall-kwartier fejn kellu t-territorju tiegħu. Wara t-tmexxija ta' Pachacuti, meta xi ħadd Inka kien imut, it-titlu tiegħu kien jgħaddi għand ibnu u l-proprjetà tiegħu kienet tingħata lil korporazzjoni kkontrollata mill-qrabat l-oħra tiegħu (wirt maqsum). Kull detentur ta' titlu kellu jibni dar ġdida u jżid artijiet ġodda mal-imperu sabiex ikollu s-sjieda ta' art għall-familja tiegħu biex imbagħad jirtuha wara mewtu.
Skont leġġenda tal-Inka, il-belt inbniet mill-ġdid minn Sapa Inca Pachacuti, ir-raġel li ttrasforma r-Renju ta' Cusco minn belt-stat għall-imperu enormi ta' Tawantinsuyu. Madankollu, l-evidenza arkeoloġika tindika li t-tkabbir kien iktar kajman u organiku, u fil-fatt kien beda qabel Pachacuti. Il-belt inbniet skont pjanta definita fejn żewġ xmajjar ġew kanalati madwar il-belt. L-arkeologi ssuġġerew li din il-pjanta tal-belt ġiet replikata f'siti oħra.
Il-belt sfat taħt id-dominju ta' Huáscar matul il-Gwerra Ċivili tal-Inka, wara l-mewt ta' Huayna Capac fl-1528. Inħatfet mill-ġenerali ta' Atahualpa f'April 1532 fil-Battalja ta' Quipaipan. Dsatax-il xahar wara, esploraturi Spanjoli invadew il-belt wara li ħatfu u qatlu lil Atahualpa fil-Battalja ta' Cusco, u kisbu l-kontroll bis-saħħa tal-armi u ż-żwiemel tagħhom, kif ukoll għax kellhom teknoloġija militari superjuri.
Wara l-invażjoni Spanjola
[immodifika | immodifika s-sors]L-ewwel tliet Spanjoli waslu fil-belt f'Mejju 1533, wara l-Battalja ta' Cajamarca, u bdew jiġbru għar-rahan ta' Atahualpa. Fil-15 ta' Novembru 1533, Francisco Pizarro wasal uffiċjalment f'Cusco. "Il-kapitali tal-Inka... ħalliet lill-Ispanjoli b'ħalqhom miftuħ bil-ġmiel tal-binjiet tagħha, u bit-tul u r-regolarità tat-toroq tagħha". Il-pjazza l-kbira kienet imdawra b'diversi palazzi, peress li "kull sovran bena palazz ġdid għalih innifsu". "Il-lavur fil-ġebel kien ta' livell eċċellenti, bil-bosta iktar minn dak tal-Ispanjoli". Il-fortizza kellha tliet parapetti u kienet magħmula minn "mases tqal tal-blat". "Mill-qalba tal-kapitali kien hemm xmara ... kanalata bil-ġebel. ...L-iktar binja lussuża f'Cusco... bla dubju kienet dik tat-tempju l-kbir iddedikat lix-Xemx... imżejjen bi platti tad-deheb... imdawwar b'kunventi u b'dormitorji għall-patrijiet. ...Kien hemm bosta palazzi u t-truppi f'qasir żmien serqu l-kontenut kollu tagħhom, u skonsagraw il-binjiet reliġjużi, inkluż il-mummji rjali fil-Coricancha.
Pizarro b'mod ċerimonjali ta l-Manco Inca l-figura tal-Inka bħala l-mexxej Peruvjan ġdid. Pizarro ħeġġeġ lil uħud mill-irġiel tiegħu biex joqogħdu u jinsedjaw il-belt, u tahom repartimientos, jew għotjiet tal-art biex jagħmlu dan. Ġew stabbiliti alcaldes u regidores fl-24 ta' Marzu 1534, li kienu jinkludu l-aħwa Gonzalo Pizarro u Juan Pizarro. Pizarro ħalla gwarniġjon ta' 90 raġel u telaq lejn Jauja flimkien ma' Manco Inca.
Pizarro ta titlu uffiċjali lill-belt bħala "l-belt kbira u nobbli ħafna ta' Cusco". Il-binjiet, li spiss inbnew wara l-invażjoni Spanjola, għandhom taħlita ta' influwenza Spanjola u arkitettura indiġena tal-Inka, inkluż il-kwartieri ta' Santa Clara u San Blas. L-Ispanjoli qerdu bosta binjiet, tempji u palazzi tal-Inka. Huma użaw il-fdalijiet tal-ħitan tagħhom bħala bażijiet għall-kostruzzjoni ta' belt ġdida, u dan il-lavur fil-ġebel għadu viżibbli.
Patri Vincente de Valverde sar l-Isqof ta' Cusco u bena l-katidral tiegħu faċċata tal-pjazza ewlenija. Huwa appoġġa l-kostruzzjoni tal-monasteru tal-Ordni Dumnikana (il-Kunvent ta' San Duminku) fuq il-fdalijiet ta' Corichanca, id-Dar tax-Xemx, u ta' kunvent fis-sit preċedenti tad-Dar tal-Verġni tax-Xemx.
Matul l-Assedju ta' Cusco tal-1536 minn Manco Inca Yupanqui, mexxej tas-Sapa Inca, huwa ħa l-kontroll tal-belt mill-Ispanjoli. Minkejja li l-assedju dam 10 xhur, fl-aħħar mill-aħħar ma kellux suċċess. Il-forzi ta' Manco rnexxielhom jieħdu l-belt għal xi ftit jiem biss. Eventwalment huwa rtira lejn Vilcabamba, il-kapitali tal-Istat il-Ġdid tal-Inka li kien għadu kemm ġie stabbilit. L-istat tiegħu baqa' jeżisti għal 36 sena oħra iżda baqa' qatt ma seta' jerġa' lura lejn Cusco. Matul il-kunflitt kollu s-snin tal-kolonizzazzjoni tal-Amerki mill-Ispanjoli, bosta Inka miet bl-epidemija tal-ġidri, peress li ma kellhomx immunità għall-marda li mbagħad saret epidemija fost l-Ewropej.
Cusco nbniet fuq saffi differenti ta' kulturi. It-Tawantinsuyu (l-Imperu Inka preċedenti) inbena fuq strutturi tal-poplu Killke. L-Ispanjoli ssostitwew it-tempji indiġeni bi knejjes Kattoliċi, u l-palazz tal-Inka b'vilel għall-invażuri.
Cusco kienet iċ-ċentru għall-kolonizzazzjoni Spanjola u t-tifrix tal-Kristjaneżmu fl-Andes. Stagħnat ħafna bis-saħħa tal-agrikoltura, it-trobbija tal-bhejjem u l-estrazzjoni, kif ukoll bis-saħħa tal-kummerċ tagħha ma' Spanja. Il-kolonjalisti Spanjoli bnew bosta knejjes u kunventi, kif ukoll il-katidral, l-università u l-arċidjoċesi.
Preżent
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-21 ta' Mejju 1950 terromot kbir heżżeż il-belt u kkawża ħsarat f'iżjed minn terz tal-istrutturi tal-belt. Il-Pirjolat Dumnikan u l-Knisja ta' San Duminku, li nbnew fuq il-Qurikancha (it-Tempju tax-Xemx) impressjonanti, kienu fost il-binjiet affettwati mill-era kolonjali. L-arkitettura tal-Inka felħet għat-terremot. Bosta mill-ħitan antiki tal-Inka għall-ewwel kien maħsub li kienu ntilfu wara t-terremot, iżda r-riffieda tal-granit tal-Qurikancha ġew esposti, kif ukoll dawk ta' strutturi antiki oħra madwar il-belt kollha. Ix-xogħol ta' restawr fil-kumpless ta' San Duminku espona x-xogħol tal-Inka fil-ġebel, li qabel kien oskurat mis-sovrastruttura mingħajr ma ġiet kompromessa l-integrità tal-wirt kolonjali. Bosta mill-binjiet li ġarrbu ħsarat fl-1950 kienu ġew affettwati minn terremot xi disa' snin qabel ukoll.
Mis-snin 90 tas-seklu 20, it-turiżmu żdied. Attwalment, Cusco hija l-iżjed destinazzjoni turistika importanti fil-Perù. Taħt l-amministrazzjoni tas-sindku Daniel Estrada Pérez, akkanit favur l-Academia Mayor de la Lengua Quechua, bejn l-1983 u l-1995 l-isem bil-Quechua, Qosqo, ġie adottat uffiċjalment għall-belt. It-turiżmu ġie affettwat b'mod drastiku mill-pandemija tal-COVID-19 fil-Perù u mill-protesti Peruvjani tal-2022-2023. Dawn tal-aħħar swew liż-żona 10 miljun soles kuljum.
Unuri
[immodifika | immodifika s-sors]- Fl-1933, il-Kungress tal-Amerikanisti tlaqqa' f'La Plata, l-Arġentina, u ddikjara lill-belt bħala l-Kapitali Arkeoloġika tal-Amerki.
- Fl-1978, is-Seba' Konvenzjoni tas-Sindki tal-Bliet Kbar tad-Dinja tlaqqgħet f'Milan, l-Italja, u ddikjarat lil Cusco bħala Sit ta' Wirt Dinji.
- Fl-1983, l-UNESCO, f'Pariġi, Franza, iddikjarat lill-belt bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Il-gvern Peruvjan iddikjaraha l-Kapitali tat-Turiżmu tal-Perù u Wirt Kulturali tan-Nazzjon.
- Fl-2001, f'Cusco, il-Kungress tal-Amerka Latina tal-Persuni Anzjani u l-Kunsilliera ta lill-belt it-titlu ta' Kapitali Storika tal-Amerka Latina.
- Fl-2007, l-Organización Capital Americana de la Cultura ta t-titlu ta' Kapitali Kulturali tal-Amerka lill-belt ta' Cusco.
- Fl-2007, il-Fondazzjoni New7Wonders iddeżinjat lil Machu Picchu bħala wieħed mis-Seba' Għeġubijiet Ġodda tad-Dinja, wara li kien sar stħarriġ dinji.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Belt ta' Cusco ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Ġeografija
[immodifika | immodifika s-sors]Cusco hija estiża madwar il-wied kollu tax-xmara Huatanay (jew Watanay). Tinsab fit-tarf tal-Lvant tal-Għoqda ta' Cusco, b'elevazzjoni ta' madwar 3,400 metru (11,200 pied). Fit-Tramuntana tagħha hemm il-katina muntanjuża ta' Vilcabamba b'muntanji għolji 4,000-6,000 metru (13,000-20,000 pied). L-ogħla quċċata hi dik ta' Salcantay (6,271 metru jew 20,574 pied), li tinsab madwar 60 kilometru (37 mil) fil-Majjistral ta' Cusco.
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Cusco għandha klima ta' art għolja subtropikali (Cwb skont il-klassifikazzjoni ta' Köppen). Ġeneralment tkun niexfa u miti, b'żewġ staġuni definiti. Ix-xitwa tkun minn Mejju sa Settembru, b'xemx abbundanti u okkażjonalment b'temperaturi taħt iż-żero billejl; Lulju jkun l-iktar xahar kiesaħ b'medja ta' 9.7 °C (49.5 °F). Is-sajf ikun minn Ottubru sa April, b'temperaturi sħan u xita abbundanti; Novembru jkun l-iżjed xahar sħun, b'medja ta' 13.3 °C (55.9 °F). Għalkemm il-ġlata u s-silġ huma komuni, l-aħħar borra rrapportata niżlet f'Ġunju 1911. It-temperaturi normalment ivarjaw minn 0.2 sa 20.9 °C (32.4 sa 69.6 °F), iżda t-temperatura inġenerali tvarja bejn −8.9 u 30 °C (16.0 u 86.0 °F). L-ikbar ammont ta' sigħat ta' xemx ikunu f'Lulju, l-ekwivalenti ta' Jannar fl-Emisferu tat-Tramuntana. B'kuntrast ma' dan, Frar, l-ekwivalenti ta' Awwissu fl-Emisferu tat-Tramuntana, ikollu l-inqas ammont ta' sigħat ta' xemx.
Fl-2006 instab li Cusco kienet l-iżjed punt fid-Dinja bl-ogħla livell medju ta' dawl ultravjola.
Data klimatika għal Cusco (l-Ajruport Internazzjonali ta' Alejandro Velasco Astete) fl-1961-1990, temp. estremi mill-1931 sal-preżent | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja rekord f'°C (°F) | 27.8
(82.0) |
26.7
(80.1) |
25.3
(77.5) |
26.9
(80.4) |
27.0
(80.6) |
24.2
(75.6) |
24.2
(75.6) |
25.8
(78.4) |
25.9
(78.6) |
27.2
(81.0) |
26.6
(79.9) |
29.9
(85.8) |
29.9
(85.8) |
Temp. għolja medja f'°C (°F) | 18.8
(65.8) |
18.8
(65.8) |
19.1
(66.4) |
19.7
(67.5) |
19.7
(67.5) |
19.4
(66.9) |
19.2
(66.6) |
19.9
(67.8) |
20.1
(68.2) |
20.9
(69.6) |
20.6
(69.1) |
20.8
(69.4) |
19.8
(67.6) |
Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) | 12.9
(55.2) |
12.7
(54.9) |
12.8
(55.0) |
12.7
(54.9) |
12.0
(53.6) |
11.4
(52.5) |
10.8
(51.4) |
11.5
(52.7) |
12.7
(54.9) |
13.6
(56.5) |
13.6
(56.5) |
13.2
(55.8) |
12.5
(54.5) |
Temp. baxxa medja f'°C (°F) | 6.6
(43.9) |
6.6
(43.9) |
6.3
(43.3) |
5.1
(41.2) |
2.7
(36.9) |
0.5
(32.9) |
0.2
(32.4) |
1.7
(35.1) |
4.0
(39.2) |
5.5
(41.9) |
6.0
(42.8) |
6.5
(43.7) |
4.3
(39.7) |
Temp. baxxa rekord f'°C (°F) | 0.0
(32.0) |
0.0
(32.0) |
0.0
(32.0) |
−2.0
(28.4) |
−7.0
(19.4) |
−4.5
(23.9) |
−7.0
(19.4) |
−6.0
(21.2) |
−6.0
(21.2) |
0.0
(32.0) |
0.0
(32.0) |
0.5
(32.9) |
−7.0
(19.4) |
Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) | 160.0
(6.30) |
132.9
(5.23) |
108.4
(4.27) |
44.4
(1.75) |
8.6
(0.34) |
2.4
(0.09) |
3.9
(0.15) |
8.0
(0.31) |
22.4
(0.88) |
47.3
(1.86) |
78.6
(3.09) |
120.1
(4.73) |
737
(29) |
Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni | 19 | 15 | 13 | 9 | 2 | 1 | 1 | 2 | 5 | 9 | 13 | 16 | 105 |
Umdità relattiva medja (%) | 66 | 67 | 66 | 63 | 59 | 55 | 54 | 54 | 56 | 56 | 58 | 62 | 60 |
Medja ta' sigħat ta' xemx fix-xahar | 143 | 121 | 170 | 210 | 239 | 228 | 257 | 236 | 195 | 198 | 195 | 158 | 2,350 |
Sors 1: NOAA, Meteo Climat (temp. għoljin u baxxi rekord).[12] | |||||||||||||
Sors 2: Deutscher Wetterdienst (temp. medji fl-1961-1990, jiem ta' preċipitazzjoni fl-1970-1990 u umdità fl-1954-1993); l-Istitut Meteoroloġiku Daniż (jiem ta' xemx fl-1931-1960).[12] |
Turiżmu
[immodifika | immodifika s-sors]It-turiżmu ilu s-sinsla tal-ekonomija mill-bidu ta' dan il-millenju, b'iktar minn 1.2 miljun turista fis-sena. Fl-2002, l-introjtu li Cusco daħlet mit-turiżmu kien jammonta għal US$837 miljun. Fl-2009, dak l-ammont żdied għal US$2.47 biljun. Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, it-turiżmu naqas b'ammont sinifikanti.
Attrazzjonijiet prinċipali
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kultura Killke indiġena bniet il-kumpless ta' Sacsayhuamán għall-ħabta tal-1100. Il-poplu Killke bena tempju ewlieni qrib Saksaywaman, kif ukoll akkwedott (pukyu) u triq li tikkollega l-istrutturi preistoriċi. Sacsayhuamán ġiet imkabbra mill-Inka.
L-esploratur Spanjol Pizarro seraq ħafna mir-rikkezzi tal-belt tal-Inka fl-1535. Għad hemm xi fdalijiet tal-palazz tal-Inka, ta' Qurikancha (it-Tempju tax-Xemx), u tat-Tempju tal-Verġni tax-Xemx. Il-binjiet tal-Inka u f'xi każijiet il-pedamenti tagħhom kienu ferm iktar b'saħħithom mill-binjiet ta' warajhom meta kien seħħ it-terremot. Fost il-binjiet kolonjali Spanjoli notevoli tal-belt hemm il-Katidral ta' San Duminku.
L-iżjed siti ewlenin tal-Inka fil-qrib x'aktarx li kienu ir-residenzi tax-xitwa ta' Pachacuti: Machu Picchu, li wieħed jista' jasal għalih bil-mixi mill-Mogħdija tal-Inka sa Machu Picchu jew bil-ferrovija; u l-"fortizza" ta' Ollantaytambo.
Fost il-fdalijiet li jżuruhom inqas nies insibu: Incahuasi, l-ogħla fost is-sit kollha tal-Inka f'elevazzjoni ta' 3,980 metru (13,060 pied); Vilcabamba, il-kapitali tal-Inka wara li l-Ispanjoli ħatfu lil Cusco; il-ġnien tal-iskulturi f'Ñusta Hisp'ana (magħruf ukoll bħala Chuqip'allta, Yuraq Rumi); Tipón, b'kanali tal-ilma li għadhom jaħdmu f'raba' mtarraġ wiesa'; kif ukoll Willkaraqay, Patallaqta, Chuqik'iraw, Moray, Vitcos u bosta oħrajn.
L-inħawi tal-madwar, fil-Wied ta' Watanay, huma importanti għall-estrazzjoni tad-deheb u għall-agrikoltura, inkluż għall-qamħirrum, għax-xgħir, għall-kinoa, għat-te u għall-kafè.
Il-istadium prinċipali ta' Cusco, Estadio Garcilaso de la Vega, kien wieħed mis-seba' stadiums li ntużaw meta l-Perù ospita l-kampjonat kontinentali tal-futbol, il-Copa América, fl-2004. L-istadium jospita wieħed mill-iżjed klabbs tal-futbol ta' suċċess fil-pajjiż, Cienciano.
Il-belt hija moqdija mill-Ajruport Internazzjonali ta' Alejandro Velasco Astete.
Wirt arkitettoniku
[immodifika | immodifika s-sors]Bis-saħħa tal-antikità u tal-importanza tiegħu, iċ-ċentru tal-belt, li jippreserva bosta binjiet, pjazez, toroq u knejjes kolonjali, u saħansitra strutturi pre-Kolombjani, ġie ddikjarat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[1] Fost l-attrazzjonijiet prinċipali tal-belt hemm:
Barrio de San Blas
[immodifika | immodifika s-sors]Dan il-kwartier jospita l-artiġjani u l-workshops u l-ħwienet tas-snajja'. Huwa wieħed mill-iżjed kwartieri pittoreski fil-belt. Għandu toroq weqfin u dojoq, bi djar antiki li nbnew mill-Ispanjoli fuq pedamenti importanti tal-Inka. Għandu pjazza attraenti u l-iżjed knisja parrokkjali antika f'Cusco, mibnija fl-1563, li għandha pulptu tal-injam imnaqqax li jitqies bħala l-epitoma tax-xogħol bl-injam tal-era kolonjali f'Cusco.
L-isem bil-Quechua ta' dan il-kwartier hu Tuq'ukachi, li jfisser il-ftuħ tal-melħ.
Hatun Rumiyuq
[immodifika | immodifika s-sors]Din it-triq hija l-iżjed li jżuru t-turisti. Fit-triq ta' Hatun Rumiyoq ("dik tal-ġebla l-kbira") kien hemm il-palazz ta' Inca Roca, li ġie kkonvertit fir-residenza tal-Arċisqof.
Tul din it-triq li twassal minn Plaza de Armas għal Barrio de San Blas, wieħed jista' jara l-Ġebla tat-Tnax-il Angolu, li titqies bħala lavur antik tal-għaġeb tal-ġebel u saret emblematika għall-istorja tal-belt.
Basílica de la Merced
[immodifika | immodifika s-sors]Din il-bażilika ġiet stabbilita fl-1536. L-ewwel kumpless inqered mit-terremot tal-1650 u r-rikostruzzjoni tlestiet fl-1675.
Il-kjostri bi stil Rinaxximentali-Barokk, is-sedji tal-kor, il-pitturi kolonjali u t-tinqix tal-injam tal-bażilika huma l-attrazzjonijiet ewlenin f'dik li issa saret mużew popolari.
Għall-wiri wkoll hemm ostensorju elaborat, magħmul bid-deheb u l-ħaġar prezzjuż, li jiżen 22 kilogramma (49 libbra) u huwa għoli 130 cm (51.18 pulzier).
Il-Katidral
[immodifika | immodifika s-sors]L-ewwel katidral li nbena f'Cusco kien l-Iglesia del Triunfo, li nbniet fl-1539 fuq il-pedamenti tal-Palazz ta' Viracocha Inca. Illum il-ġurnata, din il-knisja hija kappella awżiljarja tal-katidral.
Il-bażilika-katidral prinċipali tal-belt inbniet bejn l-1560 u l-1664. Il-materjal prinċipali li ntuża kien il-ġebel, li ġie mħaffer mill-barrieri fil-qrib, għalkemm xi blokok tal-granit aħmar ittieħdu mill-fortizza ta' Saksaywaman.
Dan il-katidral kbir fuq ġewwa fih elementi Gotiċi Aħħarin, Barokk u Platereski u fih wieħed mill-iżjed eżempji straordinarji ta' xogħol kolonjali bid-deheb. L-artali mnaqqxin tal-injam tal-katidral huma importanti wkoll.
Il-belt żviluppat stil ta' pittura unika magħruf bħala l-"Iskola ta' Cusco" u l-katidral fih l-ikbar kollezzjoni ta' artisti lokali ta' dak iż-żmien. Il-katidral huwa magħruf għal pittura tal-Iskola ta' Cusco tal-Aħħar Ċena, b'Ġesù u t-tnax-il appostlu jieklu fenek tal-Indi, platt tradizzjonali tal-Andes.
Il-katidral huwa s-sede tal-Arċidjoċesi ta' Cusco.
Plaza de Armas de Cusco
[immodifika | immodifika s-sors]Magħrufa bħala l-"Pjazza tal-ġellied" fi żmien l-Inka, f'din il-pjazza seħħew diversi avvenimenti importanti, bħall-proklamazzjoni ta' Francisco Pizarro fil-konkwista ta' Cusco.
Fil-Plaza de Armas ukoll miet Túpac Amaru II, li kien jitqies bħala l-mexxej indiġenu tar-reżistenza.
L-Ispanjoli bnew arkati tal-ġebel madwar il-pjazza li għadhom hemm sal-lum. Il-katidral prinċipali u l-Knisja ta' La Compañía jagħtu direttament fuq il-pjazza.
Il-funtana tal-ħadid fondut f'Plaza de Armas ġiet maħduma minn Janes, Beebe & Co.
Iglesia de la Compañía de Jesús
[immodifika | immodifika s-sors]Din il-knisja (il-Knisja tas-Soċjetà ta' Ġesù), li bdiet tinbena mill-Ġiżwiti fl-1576 fuq il-pedamenti tal-Amarucancha jew il-palazz tal-mexxej tal-Inka Wayna Qhapaq, titqies bħala waħda mill-aqwa eżempji tal-istil Barokk kolonjali fl-Amerki.
Il-faċċata tagħha hija mżejna bil-ġebel imnaqqax u l-artal prinċipali tagħha huwa magħmul mill-injam imnaqqax indurat bil-folji tad-deheb. Inbniet fuq kappella ta' taħt l-art u għandha kollezzjoni imprezzabbli ta' pitturi kolonjali tal-Iskola ta' Cusco.
Qurikancha u l-Kunvent ta' San Duminku
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Qurikancha ("post tad-deheb") kien l-iżjed santwarju importanti ddedikat lill-alla tax-Xemx (Inti) fi żmien l-Imperu Inka. Skont il-kronaki antiki miktuba minn Garcilaso de la Vega (kronista), il-Qurikancha kien jingħad li kellu ċirku kbir tad-deheb mastizz, ingastat bil-ħaġar prezzjuż, u dan kien jirrappreżenta lill-alla tax-Xemx tal-Inka – Inti. Il-kronisti Spanjoli jiddeskrivu l-Ġnien Sagru ta' quddiem it-tempju bħala ġnien ta' pjanti tad-deheb b'weraq tad-deheb battut, zkuk tal-fidda, ċifċiegħ tal-qamħirrum tad-deheb mastizz u 20 llama ta' daqs reali flimkien mar-rgħajja tagħhom kollha tad-deheb mastizz.
It-tempju nqered mill-invażuri Spanjoli li bis-serq tar-rikkezzi tal-belt, kienu ddeterminati li jeħilsu lill-belt mill-idolaturi, mis-santwarji u mill-ġid tagħha. Illum il-ġurnata, minn dan is-sit fadal biss ħajt ta' barra ġej għat-tond u fdalijiet parzjali tat-tempju intern biss.
B'din l-istruttura bħala pedament, il-kolonjalisti bnew il-Kunvent ta' San Duminku bl-istil Rinaxximentali. Il-binja, b'torri Barokk wieħed, hija itwal minn bosta binjiet oħra fil-belt.
Fuq ġewwa hemm kollezzjoni kbira ta' pitturi tal-Iskola ta' Cusco.
Mużewijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Cusco għandha l-mużewijiet importanti li ġejjin:
- Il-Mużew tal-Arti Pre-Kolombjana;
- Il-Mużew ta' Casa Concha (il-Mużew ta' Machu Picchu);
- Il-Mużew tal-Inka;
- Il-Mużew Storiku Reġjonali ta' Cusco;
- Iċ-Ċentru tat-Tessuti Tradizzjonali ta' Cusco;
- Il-Mużew tal-Pjanti Sagri, Maġiċi u Mediċinali;
- Iċ-ChocoMuseo (il-Mużew tal-Kawkaw u taċ-Ċikkulata).Barra minn hekk, hemm ukoll xi mużewijiet li jinsabu fil-knejjes.
Popolazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Year | Pop. | ±% |
---|---|---|
1500 | 45,000 | — |
1614 | 5,000 | −88.9% |
1761 | 6,600 | +32.0% |
1794 | 32,082 | +386.1% |
1812 | 6,900 | −78.5% |
1820 | 9,000 | +30.4% |
1825 | 40,000 | +344.4% |
1827 | 15,000 | −62.5% |
1846 | 20,370 | +35.8% |
1850 | 16,000 | −21.5% |
1861 | 15,000 | −6.2% |
1876 | 17,370 | +15.8% |
1890 | 18,900 | +8.8% |
1896 | 20,000 | +5.8% |
1900 | 25,000 | +25.0% |
1908 | 33,900 | +35.6% |
1920 | 30,500 | −10.0% |
1924 | 24,000 | −21.3% |
1925 | 32,000 | +33.3% |
1927 | 33,000 | +3.1% |
1931 | 35,900 | +8.8% |
1940 | 40,657 | +13.3% |
1945 | 45,600 | +12.2% |
1951 | 50,000 | +9.6% |
1953 | 54,000 | +8.0% |
1961 | 80,100 | +48.3% |
1969 | 115,300 | +43.9% |
1981 | 180,227 | +56.3% |
1993 | 250,270 | +38.9% |
1997 | 275,318 | +10.0% |
2000 | 295,530 | +7.3% |
2005 | 375,066 | +26.9% |
2006 | 382,577 | +2.0% |
2007 | 390,059 | +2.0% |
2008 | 397,526 | +1.9% |
2009 | 405,000 | +1.9% |
2010 | 412,495 | +1.9% |
2011 | 420,030 | +1.8% |
2012 | 427,580 | +1.8% |
2013 | 435,114 | +1.8% |
2015 | 434,654 | −0.1% |
Il-belt kellha popolazzjoni ta' madwar 434,114-il ruħ fl-2013 u popolazzjoni ta' 434,654 ruħ fl-2015 skont l-INEI.
Distrett tal-belt | Erja
(km2) |
Popolazzjoni
Ċensiment tal-2007 (abitanti) |
Abitazzjonijiet
(2007) |
Densità
(hab/km2) |
Elevazzjoni
(metri 'l fuq mil-livell tal-baħar) | |
---|---|---|---|---|---|---|
Cuzco | 116.22 | 108,798* | 28,476 | 936.1 | 3,399 | |
San Jerónimo | 103.34 | 28,856* | 8,942 | 279.2 | 3,244 | |
San Sebastián | 89.44 | 85,472* | 18,109 | 955.6 | 3,244 | |
Santiago | 69.72 | 66,277* | 21,168 | 950.6 | 3,400 | |
Wanchaq | 6.38 | 54,524* | 14,690 | 8,546.1 | 3,366 | |
Total | 385.1 | 358,052* | 91,385 | 929.76 | — | |
*Data miċ-ċensiment tal-INEI |
Gastronomija
[immodifika | immodifika s-sors]Bħala l-kapitali tal-Imperu Inka, Cusco kienet reġjun agrikolu importanti. Kienet riżerva naturali għal eluf ta' speċijiet Peruvjani nattivi, inkluż madwar 3,000 varjetà ta' patata kkultivata min-nies. Ir-ristoranti tal-fużjoni ta' gastronomiji differenti u r-ristoranti ġodda tal-gastronomija tal-Andes żviluppaw f'Cusco, u fihom il-platti jitħejjew b'tekniki moderni, b'taħlita ta' ingredjenti tradizzjonali tal-Andes u ingredjenti internazzjonali.
Ġemellaġġ
[immodifika | immodifika s-sors]Cusco hija ġemellata ma':[13]
- Betlem, il-Palestina;
- Baguio, il-Filippini;
- Copán Ruinas, il-Ħonduras;
- Cuenca, l-Ekwador;
- Havana, Kuba;
- Il-Belt ta' Jersey, l-Istati Uniti;
- Ġerusalemm, Iżrael;
- Kaesong, il-Korea ta' Fuq;
- Krakovja, il-Polonja;
- Il-Belt tal-Messiku, il-Messiku;
- Moska, ir-Russja;
- La Paz, il-Bolivja;
- Potosí, il-Bolivja;
- Puebla, il-Messiku;
- Rio de Janeiro, il-Brażil;
- Samarkanda, l-Użbekistan;
- Tempe, l-Istati Uniti.
Ara wkoll
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "City of Cuzco". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-19.
- ^ "Peru: Constitucion Politica de 1993 con refomas hasta 2005". pdba.georgetown.edu. Miġbur 2023-06-19.
- ^ Cerrón-Palomino, Rodolfo (2007). "Cuzco: La piedra donde se posó la lechuza. Historia de un nombre". Andina. Lima. 44: 143–174. ISSN 0259-9600.
- ^ Betanzos, J., 1996, Narrative of the Incas, Austin: University of Texas Press, ISBN 978-0292755598. pp. 15-16.
- ^ Carrión Ordóñez, Enrique (1990). "Cuzco, con Z". Histórica. Lima. XVII: 267–270.
- ^ Cerrón-Palomino, Rodolfo. "Cuzco: la piedra donde se posó la lechuza. Historia de un" (PDF).
- ^ Knowlton, David (2014-09-22). "Among Cuzco, Cusco, or Qosqo, I Prefer Cusco" (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-06-19. Miġbur 2023-06-19.
- ^ "Cusco Travel Guide | Places to visit in Cusco". Rough Guides (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-19.
- ^ Peru (bl-Ingliż). Central Intelligence Agency. 2023-06-09. Miġbur 2023-06-19.
- ^ Oxford Dictionary of English, 2nd ed, revised, 2009, Oxford University Press, eBook edition.
- ^ "Definition of CUZCO". www.merriam-webster.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-19.
- ^ a b "Temp Cusco, il-Perù" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2013-04-27. Miġbur 2023-06-19.
- ^ "Asociación de Agencias de Turismo del Cusco - Agencias de Turismo de Cusco - Agencias de Turismo de Cuzco". www.aatccusco.com. Miġbur 2023-06-19.