Asmara
Asmara | ||
---|---|---|
Eritrea | ||
| ||
Amministrazzjoni | ||
Stat sovran | Eritrea | |
Region of Eritrea | Maekel Region (en) | |
Isem uffiċjali | ኣስመራ | |
Ismijiet oriġinali | ኣስመራ | |
Ġeografija | ||
Koordinati | 15°20′N 38°55′E / 15.33°N 38.92°EKoordinati: 15°20′N 38°55′E / 15.33°N 38.92°E | |
Superfiċjenti | 12,158.1 kilometru kwadru | |
Għoli | 2,325 m | |
Demografija | ||
Popolazzjoni | 963,000 abitanti (2020) | |
Informazzjoni oħra | ||
Fondazzjoni | 1897 | |
Żona tal-Ħin | UTC+3 | |
bliet ġemellati | Firenze, Khartoum, Berkeley, Atlantau Nevers |
Asmara (pronunzja: /æsˈmɑːrə/ əs-MAHR-ə) jew Asmera hija l-belt kapitali u l-iżjed belt popolata tal-Eritrea, fir-Reġjun Ċentrali tal-pajjiż. Tinsab f'elevazzjoni ta' 2,325 metru (7,628 pied), u b'hekk hija is-sitt l-ogħla belt kapitali fid-dinja bħala altitudni u t-tieni l-ogħla belt kapitali fl-Afrika. Il-belt tinsab fit-quċċata ta' promontorju li huwa t-tarf tal-Majjistral tal-Artijiet Għoljin tal-Eritrea u tal-Wied tal-Fondoq il-Kbir tal-pajjiż ġar tal-Etjopja. Fl-2017, il-belt ġiet iddikjarata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO għall-arkitettura modernista ppreservata sew tagħha.[1][2][3] Skont it-tradizzjonijiet lokali, il-belt ġiet stabbilita wara li erba' villaġġi separati ngħaqdu flimkien b'mod paċifiku wara perjodi twal ta' kunflitt. Asmara għal żmien twil kienet fid-dell ta' Debarwa fil-qrib, ir-residenza tal-Bahr Negash jew il-gvernatur tal-provinċja kostali. Madankollu, xorta waħda baqgħet teżisti bħala insedjament ewlieni għal iktar minn nofs millenju u kellha wkoll xi importanza peress li kienet tinsab tul ir-rotta kummerċjali lejn Massawa. Asmara saret prominenti għall-ewwel darba matul is-seklu 20, meta saret il-belt kapitali tal-Eritrea Taljana. Taħt it-tmexxija Taljana, il-belt ta' Asmara esperjenzat urbanizzazzjoni u modernizzazzjoni rapidi.[4][5]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Skont l-istorja tradizzjonali bil-fomm tal-Eritrea min-naħa tal-poplu Tigrinya, kien hemm erba' klannijiet li kienu jgħixu fiż-żona ta' Asmera fuq il-Promontorju ta' Kebessa: Gheza Gurtom, Gheza Shelele, Gheza Serenser u Gheza Asmae. Dawn il-villaġġi spiss kienu jiġu attakkati mill-klannijiet mill-artijiet baxxi u mill-mexxejja ta' "seger mereb melash", sa ma n-nisa ta' kull klann iddeċidew li jgħelbu l-għadu komuni tagħhom u jippreservaw il-paċi l-erba' klannijiet kellhom jingħaqdu. L-irġiel aċċettaw, u b'hekk ingħata l-isem ta' "Arbate Asmera". "Arbate Asmera" bil-lingwa Tigrinya litteralment tfisser "l-erba' nisa wasslu biex jingħaqdu".[6]
L-ewwel tismija ta' Asmara oriġinat minn itinerarju bil-Latin matul ir-renju tal-Imperatur Dawit I (1382–1411).
Asmara Taljana
[immodifika | immodifika s-sors]Asmara fis-seklu 19 kien villaġġ żgħir, iżda meta ġie okkupat mill-Italja fl-1889 malajr kiber u sar belt. Il-Gvernatur Ferdinando Martini għamilha l-belt kapitali tal-Eritrea Taljana fl-1897.[7]
Fil-bidu tas-seklu 20, inbniet il-Linja Ferrovjarja tal-Eritrea sal-kosta, li kienet tgħaddi mir-raħal ta' Ghinda, taħt id-direzzjoni ta' Carlo Cavanna. Kemm fl-1913 kif ukoll fl-1915, il-belt ma tant ġarrbet ħsarat kbar minkejja t-terremoti kbar li kien hemm.[8]
Fil-belt żviluppat komunità Taljana kbira.[9] Skont iċ-ċensiment tal-1939, Asmara kellha popolazzjoni ta' 98,000 ruħ, li minnhom 53,000 ruħ kienu Taljani. Fl-Eritrea kollha kien hemm 75,000 Taljan biss jgħixu fil-pajjiż, għaldaqstant il-belt kapitali kienet bil-bosta l-ikbar ċentru tagħhom.[10]
Il-belt kapitali kisbet bixra arkitettonika Taljana. L-Ewropej użaw lil Asmara "biex jesperimentaw disinni radikali ġodda".[11] Sal-aħħar tas-snin 30 tas-seklu 20, Asmara bdiet tissejjaħ Piccola Roma (Ruma Żgħira). Il-ġurnalist John Gunther fl-1955 innota li "t-Taljani bnew lil Asmara sew, bħal Tripli, b'toroq wesgħin u puliti, binjiet pubbliċi bit-tiżjin, u saħansitra affarijiet raffinati taċ-ċivilizzazzjoni ta' dak iż-żmien bħal sistema moderna tad-dranaġġ ... Asmara tagħtik l-impressjoni li hija belt żgħir u pjaċevoli biżżejjed tal-Calabria, jew saħansitra tal-Umbria".[12] Illum il-ġurnata hemm iktar minn 400 binja ta' oriġini Taljana, u bosta ħwienet għad għandhom ismijiet bit-Taljan (eż. Bar Vittoria, Pasticceria moderna, Casa del formaggio u Ferramenta).
Ir-Renju tal-Italja investa fl-iżvilupp industrijali ta' Asmara (u tal-inħawi tal-madwar tal-Eritrea), iżda l-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija waqfet kollox ħesrem.
L-UNESCO niżżlet lil Asmara fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji f'Lulju 2017 peress li "Hi eżempju eċċezzjonali ta' urbaniżmu Modernist bikri fil-bidu tas-seklu 20 u tal-applikazzjoni tiegħu f'kuntest Afrikan".[13]
Federazzjoni mal-Etjopja
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1952, in-Nazzjonijiet Uniti ddeċidiet li twassal għall-federazzjoni tal-eks kolonja taħt it-tmexxija tal-Etjopja. Matul il-federazzjoni, Asmara ma baqgħetx il-belt kapitali. Il-belt kapitali kienet Addis Ababa, iktar minn 1,000 kilometru (620 mil) 'il bogħod lejn in-Nofsinhar. Fl-1961, l-Imperatur Haile Selassie I temm l-arranġament "federali" u ddikjara t-territorju bħala l-14-il provinċja tal-Imperu Etjopjan.[14] L-ikbar alleat tal-Etjopja kienu l-Istati Uniti. Fil-belt ġie stazzjonat il-Kontinġent ta' Kagnew tal-Armata tal-Istati Uniti mill-1943 sal-1977. Il-Gwerra tal-Indipendenza tal-Eritrea bdiet fl-1961 u ntemmet fl-1991. Asmara ma ġarrbitx wisq ħsarat matul il-gwerra, bħall-maġġoranza tar-reġjuni fl-artijiet għoljin. Wara l-indipendenza, Asmara reġgħet saret il-belt kapitali tal-Eritrea.
Il-belt tinsab f'elevazzjoni ta' 2,325 metru (7,628 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Tinsab fuq artijiet għoljin magħrufa bħala l-Artijiet Għoljin tal-Eritrea u hija orjentata mit-Tramuntana għan-Nofsinhar. Il-parti ċentrali miti, fejn hemm Asmara, tinsab fuq promontorju tal-blat, li jissepara l-artijiet baxxi tal-Punent mill-pjanuri kostali tal-Lvant. L-artijiet madwar Asmara huma għammiela ħafna, speċjalment dawk fin-Nofsinhar lejn ir-Reġjun ta' Debub tal-Eritrea. L-artijiet għoljin li tinsab fihom Asmera jinżlu ftit 'l isfel u jiżvelaw l-artijiet baxxi tal-Lvant, li huma kkaratterizzati mis-sħana kbira u mill-umdità tas-salini tal-Eritrea, qrib il-Baħar l-Aħmar. Lejn il-Punent tal-promontorju hemm art semiarida enormi bl-għoljiet li tibqa' sejra sal-fruntiera mas-Sudan qalb ir-Reġjun ta' Gash-Barka.
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Asmara għandha klima semiarida kiesħa (BSk skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen). Għandha temp moderatament sħun is-sena kollha, b'temperaturi bejn minimu ta' 14°C sa massimu ta' 30.5°C. Għandha umdità medja ta' 51 % u indiċi UV ta' 6. Is-sistema ta' Holdridge taż-żoni tal-ħajja skont klassifikazzjoni bijoklimatika tpoġġi lil Asmara f'bijoma ta' boskijiet subtropikali bix-xewk jew fil-qrib. Ix-xita tvarja minn xahar għal xahar, u l-ogħla preċipitazzjoni tkun f'Lulju u f'Awwissu, filwaqt li fix-xhur l-oħra l-preċipitazzjoni tkun inqas.
Ikollha sjuf sħan iżda mhux wisq, u xtiewi miti.[15] Minħabba l-altitudni tagħha ta' 2,325 metru (7,628 pied), it-temperaturi jkunu relattivament miti għal belt li tinsab mhux wisq 'il bogħod mill-inħawi tal-madwar iktar sħuni tal-pajjiż. Din il-klima hija karatteristika tal-istaġuni tax-xita u tal-istaġuni tan-nixfa.[16] Bħala medja Asmara jkollha 518 mm (20.4 pulzier) ta' preċipitazzjoni fis-sena. Madankollu, qajla jkun hemm il-ġlata fil-belt. L-istaġun twil tan-nixfa matul is-sena jkun estiż minn Settembru sal-ħabta ta' April. Ikun hemm staġun ta' xita okkażjonali minn April sa Ġunju. Bħala medja, madwar 60 % tal-preċipitazzjoni annwali ta' Asmara tinżel matul ix-xhur ta' Lulju u ta' Awwissu. Min-naħa l-oħra, Diċembru sa Frar tipikament ikunu l-iżjed xhur nexfin ta' Asmara, filwaqt li bħala medja tinżel biss 9.1 mm (0.36 pulzieri) ta' preċipitazzjoni fit-tliet xhur f'daqqa. Minħabba l-preċipitazzjoni varjabbli, il-klima ta' Asmara hija kkaratterizzata wkoll min-nixfa. Kien hemm diversi nixfiet fit-tul f'dan ir-reġjun mill-bidu tas-snin 60 tas-seklu 20 u minn dak iż-żmien reġgħu seħħew kull deċennju. Matul il-perjodi tan-nixfa, it-temperaturi jgħolew u tinżel ftit xita. Meta t-temperaturi f'reġjun jiżdiedu, ir-rata ta' evaporazzjoni tal-ilma mill-ħamrija tiżdied ukoll. Dawn il-proċessi flimkien jirriżultaw fid-deżertifikazzjoni tal-ħamrija. Sabiex tinkiseb ħamrija rikka bin-nutrijenti u bl-indewwa għal skopijiet tal-biedja, il-popolazzjonijiet jiddependu fuq id-deforestazzjoni biex jużaw l-art sottostanti. L-iżjed problemi ambjentali serji ta' Asmara huma fil-fatt id-deforestazzjoni u d-deżertifikazzjoni. Problemi oħra li tiffaċċja Asmara huma l-erożjoni tal-ħamrija u r-ragħa eċċessiva. Dawn il-problemi ambjentali kollha jwasslu għad-degradazzjoni tal-ħamrija.[17]
Data klimatika għal Asmara, l-Eritrea (temp. normali fl-1961-1990, temp. estremi fl-1903-2012) | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja rekord f'°C (°F) | 29.0
(84.2) |
29.2
(84.6) |
30.5
(86.9) |
31.0
(87.8) |
30.0
(86.0) |
29.4
(84.9) |
29.4
(84.9) |
27.4
(81.3) |
27.2
(81.0) |
31.0
(87.8) |
26.7
(80.1) |
26.2
(79.2) |
31.0
(87.8) |
Temp. għolja medja f'°C (°F) | 22.3
(72.1) |
23.8
(74.8) |
25.1
(77.2) |
25.1
(77.2) |
25.0
(77.0) |
24.9
(76.8) |
21.6
(70.9) |
21.5
(70.7) |
22.9
(73.2) |
21.7
(71.1) |
21.5
(70.7) |
21.5
(70.7) |
23.1
(73.6) |
Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) | 13.8
(56.8) |
14.9
(58.8) |
16.3
(61.3) |
17.0
(62.6) |
17.6
(63.7) |
17.6
(63.7) |
16.3
(61.3) |
16.1
(61.0) |
15.7
(60.3) |
14.9
(58.8) |
14.0
(57.2) |
13.2
(55.8) |
15.6
(60.1) |
Temp. baxxa medja f'°C (°F) | 4.3
(39.7) |
5.1
(41.2) |
7.5
(45.5) |
8.7
(47.7) |
10.2
(50.4) |
10.5
(50.9) |
10.8
(51.4) |
10.7
(51.3) |
8.6
(47.5) |
8.1
(46.6) |
6.6
(43.9) |
4.8
(40.6) |
8.0
(46.4) |
Temp. baxxa rekord f'°C (°F) | −4.5
(23.9) |
−1.6
(29.1) |
−0.8
(30.6) |
−0.2
(31.6) |
2.0
(35.6) |
3.4
(38.1) |
3.9
(39.0) |
3.7
(38.7) |
0.2
(32.4) |
1.0
(33.8) |
−0.5
(31.1) |
−1.4
(29.5) |
−4.5
(23.9) |
Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) | 3.7
(0.15) |
2.0
(0.08) |
14.6
(0.57) |
33.4
(1.31) |
41.1
(1.62) |
38.5
(1.52) |
174.9
(6.89) |
155.6
(6.13) |
15.6
(0.61) |
15.4
(0.61) |
20.4
(0.80) |
3.4
(0.13) |
518.6
(20.42) |
Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni (≥ 1.0 mm) | 0 | 0 | 2 | 4 | 5 | 4 | 13 | 12 | 2 | 2 | 2 | 1 | 47 |
Umdità relattiva medja (%) | 54 | 48 | 46 | 49 | 48 | 48 | 76 | 80 | 59 | 63 | 66 | 61 | 58.2 |
Medja ta' sigħat ta' xemx fix-xahar | 291.4 | 260.4 | 275.9 | 264.0 | 257.3 | 219.0 | 151.9 | 158.1 | 213.0 | 272.8 | 276.0 | 282.1 | 2,921.9 |
Persentaġġ ta' possibbiltà ta' jiem xemxin | 84 | 81 | 75 | 71 | 65 | 57 | 38 | 41 | 59 | 76 | 82 | 82 | 67 |
Sors 1: NOAA[18] | |||||||||||||
Sors 2: Meteo Climat (temp. estremi)[19] |
Fil-belt hemm il-Mużew Nazzjonali tal-Eritrea. Sikwit il-belt tkun il-punt tat-tluq tal-kompetizzjoni taċ-ċikliżmu tat-Tour tal-Eritrea.
Arkitettura
[immodifika | immodifika s-sors]Il-belt hija magħrufa għall-binjiet tagħha tal-bidu tas-seklu 20, inkluż iċ-Cinema Impero bi stil Art Déco (li nfetaħ fl-1937 u li jitqies mill-esperti bħala wieħed mill-ifjen eżempji fid-dinja ta' binjiet bi stil Art Déco),[20] il-Binja Kubista tal-Pensjoni Afrikana, il-Katidral Eklettiku Ortodoss Eritrean ta' Enda Mariam u l-eks Teatru Eklettiku tal-Opri, il-Binja Futurista ta' Tagliero tal-Fiat, il-Knisja Neo-Rumaneska tal-Madonna tar-Rużarju ta' Asmara, u l-Palazz Neo-Klassiku tal-Gvernatur. Il-belt fiha diversi vilel u djar kbar tal-kolonjaliżmu Taljan, u eżempju prominenti fosthom hi l-Binja tal-Bank Dinji. Il-biċċa l-kbira ta' Asmara ċentrali nbniet bejn l-1935 u l-1941, għaldaqstant it-Taljani effettivament irnexxielhom jibnu kważi belt sħiħa f'sitt snin biss.[21] Dak iż-żmien, id-dittatur Benito Mussolini kellu pjanijiet kbar għat-tieni Imperu Ruman fl-Afrika. Il-gwerra waqqfet kollox ħesrem, iżda l-allokazzjoni ta' fondi min-naħa tiegħu ħolqot il-belt ta' Asmara kif inhi llum il-ġurnata, li suppost kellha tkun simbolu tal-Faxxiżmu kolonjali ta' dak iż-żmien.
Il-belt hija vetrina tal-biċċa l-kbira tal-istili arkitettoniċi tal-bidu tas-seklu 20. Xi binjiet huma Neo-Rumaneski, bħall-Knisja tal-Madonna tar-Rużarju, filwaqt li xi vilel inbnew bi stil Vitorjan aħħari. L-influwenzi tal-Art Deco huma preżenti fil-belt kollha. L-essenzi tal-Kubiżmu joħorġu fid-dieher fil-Binja tal-Pensjoni Afrikana, u f'kollezzjoni żgħira ta' binjiet. Il-Binja ta' Tagliero tal-Fiat toħroġ fid-dieher kważi l-qofol tal-Futuriżmu, meta kien dan l-istil kien qed jaqbad sew fl-Italja.
Asmara hija magħrufa bħala belt eċċezzjonalment moderna, mhux biss minħabba l-arkitettura tagħha, iżda Asmara kellha wkoll iktar dwal tat-traffiku milli kellha Ruma meta l-belt kienet qed tinbena. Il-belt tinkorpora bosta karatteristiċi ta' belt ippjanata.
Ristoranti, bars u kafetteriji
[immodifika | immodifika s-sors]Asmara għandha toroq wesgħin, ristoranti, pjazez, bars u kafetteriji, filwaqt li bosta mit-toroq ewlenin huma mżejna bis-siġar tal-palm. L-ikel u l-kultura ispirati mill-Italja huma preżenti ħafna u ġew introdotti matul żmien l-Eritrea Taljana. Hemm bosta ristoranti u kafetteriji minn fejn wieħed jista' jieħu espresso, cappuccino u latte ta' kwalità għolja, kif ukoll ġelateriji u ristoranti li jservu ikel Eritrean Taljan. Platti komuni tal-gastronomija Eritreana Taljana huma l-"Pasta al Sugo e Berbere", jiġifieri "għaġin biz-zalza u l-berbere (ħwawar)", "lasagna" u "cotoletta alla milanese" (flett tal-laħam bil-panura).[22][23]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Asmara ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Lulju 2017, u b'hekk saret l-ewwel belt Modernista li tniżżlet kollha kemm hi fil-lista. Dan seħħ matul il-41 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Il-belt għandha eluf ta' binjiet bi stil Art Deco, Futurist, Modernist, u Razzjonalist, li nbnew matul il-perjodu tal-Eritrea Taljana. Il-belt, imlaqqma "La piccola Roma" ("Ruma Żgħira"), tinsab 'il fuq minn 2,000 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar, u kienet post ideali għall-kostruzzjoni minħabba l-klima relattivament friska; l-arkitetti użaw materjali lokali kif ukoll Taljani.
Xi binjiet notevoli jinkludu l-Binja ta' Tagliero tal-Fiat, il-Bar Zilli, it-teatru tal-opri, lukandi u ċinema, bħaċ-Cinema Impero.
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1] Iċ-Ċentru Storiku ta' Asmara tqiegħed fil-Lista tal-2006 tal-Fond Dinji tal-Monumenti bħala wieħed mill-iżjed 100 sit fil-periklu. Din il-lista kienet maħsuba biex tiġbed iktar attenzjoni lejn il-belt biex iċ-ċentru jiġi salvat mid-deterjorament, jiġi żviluppat mill-ġdid u jiġi promoss ir-restawr. Wara CARP (inizjattiva tal-Bank Dinji dwar il-Wirt Kulturali), id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE) f'Asmara impenjat ruħha fi Proġett tal-Wirt għar-restawr tal-binjiet u għall-ġestjoni tal-arkivji. Fl-2010 ġie varat il-Proġett Kulturali tal-UE/Eritrea u kien mistenni li jitlesta sal-2014.
Erba' attrazzjonijiet prinċipali kbar tal-belt huma l-Knisja Kattolika tal-Madonna tar-Rużarju, il-Katidral Kattoliku Koptiku ta' Kidane, il-Katidral ta' Enda Mariam tal-Knisja Ortodossa Tewahedo tal-Eritrea, u l-Moskea Iżlamika ta' Al Khulafa Al Rashiudin. Il-popolazzjoni fir-Reġjun Ċentrali, fejn hemm Asmara, hija 89 fil-mija Kristjana (kważi 84 fil-mija Ortodossa, 4 fil-mija Kattolika Rumana, u iktar minn 1 fil-mija Protestanta) u 5 fil-mija Musulmana.
Asmara hija wkoll is-sede tal-arċisqof tal-Knisja Ortodossa Tewahedo tal-Eritrea, li saret awtoċefala fl-1993. L-arċisqof fl-1998 ġie elevat għall-grad ta' Patriarka tal-Eritrea.
Ekonomija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Linja tal-Ajru tal-Eritrea, il-Korporazzjoni tat-Telekomunikazzjoni tal-Eritrea, u kumpaniji oħra għandhom is-sede tagħhom fil-belt. L-istazzjon televiżiv nazzjonali Eri-TV għandu bosta studjos f'diversi żoni fil-belt kapitali.
Il-Birrerija ta' Asmara, li nbniet fl-1939 bl-isem ta' Melotti, tinsab fil-belt u timpjega 600 ruħ. Il-birrerija tipproduċi l-birra ta' Asmara u xorb alkoħoliku ieħor bħar-rum u l-ġin. Il-birrerija hija s-sid u l-isponsor ukoll tat-tim lokali tal-futbol Asmara Brewery FC, xi kultant imsejjaħ ukoll "Asmara Birra".
Trasport
[immodifika | immodifika s-sors]Wara l-indipendenza tal-Eritrea, it-toroq ta' Asmara sarulhom proġetti estensivi ta' kostruzzjoni. It-toroq l-antiki ġew rinnovati u nbnew ukoll awtostradi ġodda. Hemm ħames toroq primarji biex wieħed joħroġ minn Asmara.
L-Ajruport Internazzjonali ta' Asmara jaqdi l-belt b'bosta titjiriet internazzjonali. L-Ajruport Internazzjonali ta' Massawa huwa ajruport alternattiv fil-qrib.
Mill-1999, hemm total ta' 317-il kilometru ta' binarji b'gejġ dejjaq ta' 950 mm (3 piedi 1+3⁄8 pulzier) fl-Eritrea. Il-Linja Ferrovjarja tal-Eritrea nbniet bejn l-1887 u l-1932. Wara li ġarrbet ħsarat estensivi matul it-Tieni Gwerra Dinjija u fil-ġlied ta' wara, ingħalqet sezzjoni wara l-oħra, bl-għeluq finali fl-1978. Wara l-indipendenza, sar sforz ta' rikostruzzjoni, u l-ewwel sezzjoni rikostruwit infetħet fl-2003. Mill-2009, is-sezzjoni minn Asmara sa Massawa kienet ġiet rikostruwita għalkollox u saret disponibbli għas-servizz.
Edukazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Asmara dejjem kienet ċentru nazzjonali tal-edukazzjoni, u fiha hemm bosta skejjel primarji, sekondarji u postsekondarji. Fiha kien hemm ukoll l-Università ta' Asmara li ġiet stabbilita fl-1958 u li ngħalqet fl-2006, wara l-ftuħ ta' università f'Mai Nefhi. Matul il-perjodu tal-Federazzjoni u l-Annessjoni Etjopjana, l-università kienet ikkollegata wkoll mal-ikbar istituzzjoni terzjarja tan-nazzjon f'dak iż-żmien, l-Università ta' Addis Ababa.
Universitajiet u kulleġġi
[immodifika | immodifika s-sors]- L-Università ta' Asmara (1958-2006);
- l-Istitut tat-Teknoloġija tal-Eritrea.
Skejjel primarji u sekondarji
[immodifika | immodifika s-sors]Skejjel internazzjonali
[immodifika | immodifika s-sors]- L-Iskola tal-Komunità Internazzjonali ta' Asmara – skola internazzjonali Anglofona;
- l-Iskola Taljana ta' Asmara – skola primarja Taljana b'dipartiment ta' Montessori (1903-2020).
Distretti
[immodifika | immodifika s-sors]Asmara hija maqsuma fi 13-il distrett jew żona amministrattiva. Dawn id-distretti huma maqsuma mill-ġdid fiż-żoni tat-Tramuntana, tal-Majjistral, tal-Grigal, tax-Xlokk, tal-Lbiċ, tal-Lvant, tal-Punent u Ċentrali. It-tlettax-il distrett (jew Neous Zobas) huma:
- Tramuntana
- Id-Distrett ta' Akhria;
- id-Distrett ta' Abbashaul;
- id-Distrett ta' Edaga Hamus.
- Grigal
- Id-Distrett ta' Arbaete Asmara.
- Majjistral
- Id-Distrett ta' Mai Temenai;
- id-Distrett ta' Paradiso.
- Lbiċ
- Id-Distrett ta' Sembel.
- Xlokk
- Id-Distrett ta' Kahawuta;
- id-Distrett ta' Godaif.
- Ċentrali
- Id-Distrett ta' Maakel Ketema.
- Punent
- Id-Distrett ta' Tiravolo;
- id-Distrett ta' Tsetserat.
- Lvant
- Id-Distrett ta' Gheza Banda;
- id-Distrett ta' Gejeret.
Nies notevoli
[immodifika | immodifika s-sors]- Asmeret Asefaw Berhe, bijoġeokimiku tal-ħamrija u Direttur tal-Uffiċċju tax-Xjenza fid-Dipartiment tal-Enerġija tal-Istati Uniti;
- Abraham Afewerki, kantant, kantawtur u produttur mużikali popolari;
- Isaias Afwerki, il-President tal-Eritrea;
- Tsehaytu Beraki, mużiċist popolari mill-Eritrea;
- Yemane Barya, kantant u mużiċist famuż mill-Eritrea;
- Tedros Adhanom Ghebreyesus, it-tmien Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa;
- Remo Girone, attur tal-films u tat-teatru Taljan;
- Bruno Lauzi, kantant, kantawtur, poeta u kittieb Taljan;
- Dawit Isaak, ġurnalist Żvediż-Eritrean;
- Meb Keflezighi, atleta tal-ġiri fuq distanzi twal Amerikan imwieled Eritrean;
- Gianfranco Rosi, reġista Taljan tal-films u tad-dokumentarji;
- Mehari Shinash, plejer tal-futbol mill-Eritrea;
- Mussie Zerai, patri Kattoliku Ruman u attivist favur id-dritt tal-ażil.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Asmara: A Modernist African City". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-29.
- ^ "An African City's Unusual Preservation Legacy - Neighborhoods - The Atlantic Cities". web.archive.org. 2012-03-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-03-12. Miġbur 2024-02-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Eritrea capital Asmara makes World Heritage list" (bl-Ingliż). 2017-07-08. Miġbur 2024-02-29.
- ^ "Arbate Asmara: the origin of the city |". web.archive.org. 2019-07-15. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2019-07-15. Miġbur 2024-02-29.
- ^ Pankhurst, Richard (1982). History Of Ethiopian Towns. Steiner. p. 73. ISBN 9783515032049.
- ^ Palin, Michael (2007). Eritrea. Chalfont St Peter, ir-Renju Unit: Bradt Travel Guides Ltd. p. 82. ISBN 978-1-84162-171-5.
- ^ AA.VV. (1994). Guida dell'Africa Orientale Italiana (bit-Taljan). Milan: Consociazione Turistica Italiana. p. 199.
- ^ Ambraseys, Nicolas; Melville, C.P.; Adams, R.D. (1994). The Seismicity of Egypt, Arabia and the Red Sea: A Historical Review. Cambridge University Press. ISBN 0-521-39120-2.
- ^ Roman Adrian Cybriwsky, Capital Cities around the World: An Encyclopedia of Geography, History, and Culture, ABC-CLIO, l-Istati Uniti, 2013, p. 19
- ^ "Benvenuto sul sito del Maitacli". web.archive.org. 2011-07-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-07-22. Miġbur 2024-02-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Pjanta arkitettonika ta' Asmara" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2020-04-07. Miġbur 2024-02-29.
- ^ Gunther, John (1955). Inside Africa. Harper & Brothers. p. 278. ISBN 0836981979.
- ^ "Asmara, the capital of Art Deco" (bl-Ingliż). 2017-07-14. Miġbur 2024-02-29.
- ^ Encyclopedia of Urban Cultures. Grolier Publishing Co. 2002. ISBN 9780717256983.
- ^ Semere, Soloman (2005). "Groundwater study using remote sensing and geographic information systems (GIS) in the central highlands of Eritrea". Hydrogeology Journal. 14 (5): 729–741.
- ^ Semere, Soloman (2005). "Groundwater study using remote sensing and geographic information systems (GIS) in the central highlands of Eritrea". Hydrogeology Journal. 14 (5): 729–741.
- ^ Ghebrezgabher, Mihretab (2015). "Extracting and analyzing forest and woodland cover change in Eritrea based on Landsat data using supervised classification". The Egyptian Journal of Remote Sensing and Space Science. 19 (1): 37–47.
- ^ Atlas, Weather. "Yearly & Monthly weather - Asmara, Eritrea". Weather Atlas (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-29.
- ^ "Asmara Climate Asmara Temperatures Asmara, Eritrea Weather Averages". www.climate.top. Miġbur 2024-02-29.
- ^ Gianluca Rossi, Renzo Martinelli inviato de La Nazione, 2009.
- ^ "BBC - (none) - Sunday Feature - Africa - Reviving Asmara". www.bbc.co.uk. Miġbur 2024-02-29.
- ^ "Asmara, la più bella città africana | Ghostarchive". ghostarchive.org. Miġbur 2024-02-29.
- ^ "L-ikel u x-xorb f'Asmara" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-29.