Santa Luċija (qaddisa)
Santa Luċija (qaddisa) | |
---|---|
Santa Luċija, ta' Domenico Beccafumi, 1521, ibbażata fuq xbieha Gotika fil-Pinacoteca Nazionale, Siena | |
Twelid |
trad. madwar 283 Sirakuża, Sqallija |
Mewt |
tra. madwar 304 Sirakuża, Sqallija |
Festa | 13 ta' Diċembru |
Attributi | par għajnejn fuq platt, ġilju, palma |
Patrun/a | l-għomja; okulisti, elettriċisti, Sirakuża, Sqallija, Perugia, l-Italja; l-Imtarfa, Malta |
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Santa Luċija (Sirakuża, 283 – Sirakuża, 13 ta' Diċembru 304) hija qaddisa martri, meqjuma mill-Knisja Kattolika, mill-Knisja Ortodossa u mil-Luterani Skandinavi. It-tifkira tagħha ssir fit-13 ta' Diċembru. Hija waħda mis-seba' qaddisin nisa li jissemmew b’isimhom fil-Kanoni Ruman tal-quddiesa Kattolika fir-Rit Latin.
Isimha ġej mill-kelma Latina ‘lux’, li tfisser dawl. Il-festa tagħha hija ċelebrata viċin l-iqsar ġurnata tas-sena, meta d-dawl tax-xemx jerġa’ jibda jitqawwa. Fil-Kalendarju Ġuljan din kienet l-iqsar ġurnata tas-sena. Għalhekk il-festa tagħha ssir f’din il-ġurnata, għax titqies bħala l-qaddisa li ddawwal it-triq tal-Insara.
Luċija kienet tgħix f’Sirakuża, Sqallija matul is-seklu ħamsa fejn il-persekuzzjoni tal-Insara kienu komuni. Sfortunatament, ħafna mill-istorja dwarha ntilfet matul is-snin. Skond leġġenda komuni, Luċija tilfet id-dawl t’għajnejha fi żmien il-persekuzzjoni ta' Dijoklezjanu minħabba t-twemmin Nisrani taghha. Oħrajn jgħidu li jista’ jkun li hi qalgħet għajnejha biex tipprotesta kontra l-persekuzzjoni fuq l-Insara. Luċija infatti hija l-qaddisa patruna tal-għomja.
Ikonografija
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-ikonografija Santa Luċija tiġi rraffigurata iżżomm platt f’idejha b’par għajnejn ġo fih. L-għajnejn fil-platt jindikaw li l-qaddisa raffigurata hi Santa Luċija u mhux Santa Odilja li normalment tintwera ġġorr għajnejha fuq Bibbja.
Qaddisa Patruna
[immodifika | immodifika s-sors]Santa Luċija hija l-patruna tal-għomja, ta’ dawk morda b’għajnejhom kif ukoll tal-oftamologi. Hija wkoll il-qaddisa patruna ta’ Sirakuża.
Il-Kult tagħha f'Malta
[immodifika | immodifika s-sors]F’Malta hawn sitt kappelli jew knejjes iddedikati lil Santa Luċija: f'Ħal Għaxaq, fin-Naxxar, fil-Belt Valletta, fl-Imtarfa kif ukoll fis-subborg ta’ Kerċem li jġib l-isem ta’ Santa Luċija u f'Santa Luċija. Din il-lokalità ta’ Santa Luċija f’Malta nħolqot b’Avviż Legali f’Lulju tal-1961 u isimha ingħata proprju għall-kappella ddedikata lill-qaddisa li kien hemm fl-inħawi. Hemm ukoll kappella ddedikata lil Santa Luċija u San Nikola fil-Buskett. Insibu żewġ niċeċ iddedikati lil Santa Luċija, fil-Belt u f'Kerċem.
Qwiel Maltin fuq Santa Luċija
[immodifika | immodifika s-sors]- Nhar Santa Luċija, il-jum jitwal b'pass ta' tarbija
- Santa Luċija tagħtina d-dawl u d-dija
- F'Santa Luċija jibdew l-irwiegel
- Nhar Santa Luċija ż-żara' jikber sieq ta' tarbija
Il-Kult tagħha fil-pajjiżi Skandinavi
[immodifika | immodifika s-sors]Ħafna nies fil-pajjiżi Skandinavi jiffesteġġjaw il-festa ta’ Santa Luċija ta’ kull sena fit-13 ta’ Diċembru. Din iċ-ċelebrazzjoni bdiet fl-Isvezja, iżda sa nofs is-seklu 20 nfirxet lejn id-Danimarka u l-Finlandja. F’dawn il-pajjiżi, din il-vaganza hija kkunsidrata l-bidu tal-istaġun tal-Milied u, għalhekk, ħafna drabi nirreferu għaliha bħala ‘little Yule’. Tradizzjonalment, it-tifla l-kbira ta’ kull familja tqum kmieni filgħodu u tqajjem lill-membri kollha tal-familja, fejn tkun liebsa libsa twila bajda b’terħa ħamra, u kuruna magħmula biz-zkuk irqaq b’disa’ xemgħat mixgħula. Matul din il-ġurnata hija tissejjaħ ‘Lussi’ jew ‘Lussibruden (għarusa Lucy)’. Imbagħad il-familja tingħaqad għall-ikel f’kamra mixgħula biss bix-xemgħat. Anke jekk imorru jikkaċċjaw l-għasafar jew jistadu kienu juzaw fjamma biss f'dan il-jum, u n-nies kienu jilluminaw id-djar tagħhom. Bil-lejl, l-irġiel, in-nisa, u t-tfal kienu joħorgu bil-fjammi f’purċissjoni. Il-lejla tispiċċa meta kulħadd jitfa’ l-fjamma fuq balla silla, u joħolqu ħuġġiega kbira. Illum il-ġurnata fil-Finlandja, tintagħżel tifla waħda biex isservi bħala ‘Luċija nazzjonali’ u tiġi onorata waqt purċissjoni fejn tiġi mdawra b’diversi nies bil-fjammi f’idejhom. Id-dawl huwa t-tema principali f’Jum Santa Luċija, bħal isimha.