Kumitat tal-Wirt Dinji
Il-Kumitat tal-Wirt Dinji huwa kumitat tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) li jagħżel is-siti li jitniżżlu bħala Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, inkluż il-Lista tas-Siti ta' Wirt Dinji u l-Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fil-Periklu, jiddefinixxi l-użu tal-Fond tal-Wirt Dinji, u jalloka assistenza finanzjarja skont it-talbiet mill-istati li jkunu membri.[1] Huwa magħmula minn rappreżentanti minn 21 stat membru li jiġu eletti mill-Assemblea Ġenerali tal-Istati Membri għal mandat ta' erba' snin. Dawn il-membri jivvutaw fuq deċiżjonijiet u proposti marbuta mal-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji u l-Lista tas-Siti ta' Wirt Dinji.
Skont il-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji, il-mandat ta' membru tal-kumitat idum sitt snin. Madankollu, bosta Stati Membri jagħżlu volontarjament li jillimitaw il-mandat tagħhom għal erba' snin, sabiex Stati Membri oħra jkollhom l-istess opportunità. Il-membri kollha eletti fil-15-il Assemblea Ġenerali (2005) għażlu volontarjament li jnaqqsu l-mandat tagħhom minn sitt snin għal erba' snin.
Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat tal-Wirt Dinji jiġu megħjuna minn tliet korpi ta' konsulenza: l-IUCN, l-ICOMOS u l-ICCROM.[2]
Sessjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kumitat tal-Wirt Dinji jiltaqa' darba fis-sena għal sessjoni ordinarja biex jiddiskuti l-ġestjoni tas-Siti ta' Wirt Dinji eżistenti, u jaċċetta n-nominazzjonijiet ta' siti indikattivi mill-pajjiżi. Jistgħu jsiru laqgħat straordinarji fuq talba ta' żewġ terzi tal-Istati Membri. Il-laqgħat isiru fi ħdan it-territorju tal-Istati Membri tal-Kumitat tal-Wirt Dinji fuq stedina tagħhom. Ir-rotazzjoni bejn ir-reġjuni u l-kulturi titqies għall-għażla u l-post tal-laqgħa li jkun imiss jintgħażel mill-Kumitat fl-aħħar ta' kull sessjoni.
Sessjoni[3] | Sena | Dati | Belt ospitanti |
---|---|---|---|
1 | 1977 | is-27 ta' Ġunju – l-1 ta' Lulju | Pariġi |
2 | 1978 | il-5 ta' Settembru – it-8 ta' Settembru | Washington, D.C. |
3 | 1979 | it-22 ta' Ottubru – is-26 ta' Ottubru | Kajr u Luxor |
4 | 1980 | l-1 ta' Settembru – il-5 ta' Settembru | Pariġi |
5 | 1981 | is-26 ta' Ottubru – it-30 ta' Ottubru | Sydney |
6 | 1982 | it-13 ta' Diċembru – is-17 ta' Diċembru | Pariġi |
7 | 1983 | il-5 ta' Diċembru – id-9 ta' Diċembru | Firenze |
8 | 1984 | id-29 ta' Ottubru – it-2 ta' Novembru | Buenos Aires |
9 | 1985 | it-2 ta' Diċembru – is-6 ta' Diċembru | Pariġi |
10 | 1986 | l-24 ta' Novembru – it-28 ta' Novembru | Pariġi |
11 | 1987 | is-7 ta' Diċembru – il-11 ta' Diċembru | Pariġi |
12 | 1988 | il-5 ta' Diċembru – id-9 ta' Diċembru | Brasília |
13 | 1989 | il-11 ta' Diċembru – il-15 ta' Diċembru | Pariġi |
14 | 1990 | is-7 ta' Diċembru – it-12 ta' Diċembru | Banff |
15 | 1991 | id-9 ta' Diċembru – it-13 ta' Diċembru | Kartaġni |
16 | 1992 | is-7 ta' Diċembru – l-14 ta' Diċembru | Santa Fe |
17 | 1993 | is-6 ta' Diċembru – il-11 ta' Diċembru | Cartagena |
18 | 1994 | it-12 ta' Diċembru – is-17 ta' Diċembru | Phuket |
19 | 1995 | l-4 ta' Diċembru – id-9 ta' Diċembru | Berlin |
20 | 1996 | it-2 ta' Diċembru – is-7 ta' Diċembru | Mérida |
21 | 1997 | l-1 Diċembru – is-6 ta' Diċembru | Napli |
22 | 1998 | it-30 ta' Novembru – il-5 ta' Diċembru | Kjoto |
23 | 1999 | id-29 ta' Novembru – l-4 ta' Diċembru | Marrakech |
24 | 2000 | is-27 ta' Novembru – it-2 ta' Diċembru | Cairns |
25 | 2001 | il-11 ta' Diċembru – is-16 ta' Diċembru | Helsinki |
26 | 2002 | l-24 ta' Ġunju – id-29 ta' Ġunju | Budapest |
27 | 2003 | it-30 ta' Ġunju – il-5 ta' Lulju | Pariġi |
28 | 2004 | it-28 ta' Ġunju – is-7 ta' Lulju | Suzhou |
29 | 2005 | l-10 ta' Lulju – is-17 ta' Lulju | Durban |
30 | 2006 | it-8 ta' Lulju – is-16 ta' Lulju | Vilnius |
31 | 2007 | it-23 ta' Ġunju – l-1 ta' Lulju | Christchurch |
32 | 2008 | it-2 ta' Lulju – l-10 ta' Lulju | Belt ta' Quebec |
33 | 2009 | it-22 ta' Ġunju – it-30 ta' Ġunju | Sivilja |
34 | 2010 | il-25 ta' Lulju – it-3 ta' Awwissu | Brasília |
35 | 2011 | id-19 ta' Ġunju – id-29 ta' Ġunju | Pariġi |
36 | 2012 | il-25 ta' Ġunju – il-5 ta' Lulju | San Pietruburgu |
37 | 2013 | is-17 ta' Ġunju – is-27 ta' Ġunju | Phnom Penh |
38 | 2014 | il-15 ta' Ġunju – il-25 ta' Ġunju | Doha |
39 | 2015 | it-28 ta' Ġunju – it-8 ta' Lulju | Bonn |
40 | 2016 | l-10 ta' Lulju – l-20 ta' Lulju | Istanbul |
41 | 2017 | it-2 ta' Lulju – it-12 ta' Lulju | Krakovja |
42 | 2018 | l-24 ta' Ġunju – l-4 ta' Lulju | Manama |
43 | 2019 | it-30 ta' Ġunju – l-10 ta' Lulju | Baku |
44 | 2020-2021 | is-16 ta' Lulju – il-31 ta' Lulju 2021
Oriġinarjament skedata għall-2020. Ġiet posposta għal sessjoni estiża fl-2021 minħabba l-pandemija tal-COVID-19. |
Fuzhou |
45 | 2022-2023 | l-10 ta' Settembru – il-25 ta' Settembru 2023
Oriġinarjament skedata għad-19 ta' Ġunju – it-30 ta' Ġunju 2022 f'Kazan, ir-Russja. Ġiet posposta għal sessjoni estiża fl-2023 minħabba l-invażjoni Russa tal-Ukrajna. |
Riyadh |
Bureau
[immodifika | immodifika s-sors]Fi tmiem kull sessjoni ordinarja, il-Kumitat jeleġġi President, ħames Viċi Presidenti u Relatur minn dawk il-membri li l-mandat tagħhom ikun se jkompli fis-sessjoni li jkun imiss. Dawn huma magħrufa bħala l-Bureau, u r-rappreżentanti tagħhom ikunu responsabbli għall-koordinazzjoni tal-ħidma tal-Kumitat tal-Wirt Dinji, inkluż l-iffissar ta' dati, ħinijiet, l-aġenda u l-minuti tal-laqgħat.
Votazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Kull Stat Membru tal-Kumitat tal-Wirt Dinji għandu vot wieħed. Id-deċiżjonijiet jeħtieġu maġġoranza sempliċi u l-astensjonijiet jgħoddu bħala mhux parti mill-votazzjoni. Il-votazzjoni ssir billi l-membri jgħollu idhom, sakemm ma tintalabx votazzjoni sigrieta mill-President jew minn żewġ Stati Membri jew iktar.
Membri
[immodifika | immodifika s-sors]Membri attwali tal-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO:
Stat Membru | Mandat |
---|---|
Arġentina | 2021–2025 |
Belġju | 2021–2025 |
Bulgarija | 2021-2025 |
Eġittu | 2019–2023 |
Etjopja | 2019–2023 |
Greċja | 2021–2025 |
Indja | 2021–2025 |
Italja | 2021–2025 |
Ġappun | 2021–2025 |
Mali | 2019–2023 |
Messiku | 2021–2025 |
Niġerja | 2019–2023 |
Oman | 2019–2023 |
Qatar | 2021–2025 |
Russja | 2019–2023 |
Rwanda | 2021–2025 |
Saint Vincent u l-Grenadini | 2021–2025 |
Arabja Sawdija | 2019–2023 |
Afrika t'Isfel | 2019–2023 |
Tajlandja | 2019–2023 |
Żambja | 2021–2025 |
Total | 21 |
Kritika
[immodifika | immodifika s-sors]Iż-żieda fil-politiċizzazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat tal-Wirt Dinji għad-detriment tal-għanijiet ta' konservazzjoni ġiet allegata, b'mod partikolari fir-rigward ta' nominazzjonijiet ġodda biex jitqiesu għall-inklużjoni fil-Lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, iżda anke għall-konsiderazzjoni tas-siti għal-Lista tas-Siti ta' Wirt Dinji fil-Periklu. Fl-2010, l-Istati Membri inkluż l-Ungerija, l-Iżvizzera u ż-Żimbabwe ressqu protesta uffiċjali kontra tali politiċizzazzjoni.
Awditjar estern mitlub mill-Kumitat tal-Wirt Dinji għall-Istrateġija Globali tal-Lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO kkonkluda fl-2011 li l-kunsiderazzjonijiet politiċi kienu tabilħaqq qed jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet. L-awditjar osserva li l-kompożizzjoni tar-rappreżentanti tal-Kumitat kienet inbidlet minn esperti u diplomatiċi minkejja l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji u sab li l-opinjonijiet mill-korpi ta' konsulenza spiss kienu qed ikunu differenti mid-deċiżjonijiet tal-Kumitat tal-Wirt Dinji.
Fl-2016, Iżrael irtira l-ambaxxatur tal-UNESCO tiegħu wara li l-Kumitat tal-Wirt Dinji adotta riżoluzzjoni f'votazzjoni sigrieta li rreferiet għal wieħed mill-iżjed siti sagri ta' Ġerusalemm, l-Għolja tat-Tempju, bħala "sit ta' qima Musulman sagru biss", mingħajr ma semmiet li l-Lhud u l-Kristjani jużaw is-sit ta' qima wkoll.
Il-Kumitat ġie kkritikat ukoll b'allegazzjonijiet ta' razziżmu, kuluriżmu u parzjalità ġeografika favur it-tniżżil ta' siti fil-pajjiżi industrijalizzati u tal-Punent iktar minn siti ġejjin minn pajjiżi hekk imsejħa tat-"tielet dinja". Ammont kbir ta' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jinsab fl-Ewropa, fil-Lvant tal-Asja u fl-Amerka ta' Fuq, fejn il-popolazzjonijiet ġeneralment għandhom kulur tal-ġilda iktar ċara.
Ara wkoll
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "The World Heritage Committee". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-24.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Advisory Bodies". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-24.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "UNESCO World Heritage Centre - Sessions". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-24.