iBet uBet web content aggregator. Adding the entire web to your favor.
iBet uBet web content aggregator. Adding the entire web to your favor.



Link to original content: http://kappellimaltin.com/Il-Kappelli/Sett09/SPB_S_Pawl_tal-Hgejjeg/spb_s_pawl_tal-hgejjeg.html
SPB S Pawl tal-Hgejjeg
KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Noel Ciantar

Il-knisja ta' San Pawl Nawfragu
("Tal-Ħġejjeġ")
~ San Pawl il-Baħar ~

ll-ġrajja tan-nawfraġju ta' San Pawl fi ġżiritna fis-sena 60 wara Kristu kienet dejjem meqjusa minn missirijietna u mill-Knisja f’Malta bħala ġrajja l-aktar importanti u l-postijiet marbutin maż-żjara tiegħu kienu meqjusa bħala rkejjen qaddisa. Fost dawn insibu l-Grotta ta' San Pawl fir-Rabat bi knisja diġà msemmija f’dokument tas-sena 1366 kif ukoll il-Katidral fl-lmdina diġà msemmi f’testment tas-sena 1299.

FL-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, barra l-funtana ta' Għajn Rażul, id-djoċesi kellha mill-qedem żewġ knejjes iddedikati lill-S.Pawl, magħrufin waħda bħala San Pawl Milqgħi u l-oħra bħala l-Knisja tan-Nawfraġju jew tal-Ħġejjeġ, fl-inħawi magħrufa bħala Tal-Għażżenin, faċċata tal-Gżejjer ta’ San Pawl.

 

Ritratt - Noel Ciantar

 

Qabel is-sena 1610

Ma nafux meta din il-knisja nbniet għall-ewwel darba iżda żgur li hi qadima ħafna, u li nbniet mill-ġdid kemm il-darba. Fl-ewwel deskrizzjoni stampata ta' Malta, miktuba minn Jean Quintin u stampata fl-1536, din il-knisja tissemma’ bħala “knisja ta' qima kbira”. Fl-1575 il-Viżitatur Appostoliku Mons. Pietro Dusina żar din il-knisja u kiteb li kienet hi li tat l-isem lill-bajja ta' San Pawl. Sitt snin wara, fl-1781, Enrico Pantaleone fil-ktieb tiegħu lohannitarum Rhodiorum isemmi din il-knisja bħala l-post fejn il-morda kienu jmorru u jsibu l-fejqan. Patri Ġlormu Manduca, fir-relazzjoni tiegħu dwar Malta miktuba c.1600, igħid li f'din l-knisja ra b'għajnejh l-armi tal-familji Nobiljari. Jingħad li l-ewwel kien hemm dawk ta' Mazzara u De Nava waqt li aktar tard u sas-sena 1610 kien hemm minquxa l-armi tal-familji Desguanez u Bordino. Fost ir-Retturi tagħha jissemmew fl-1436 Don Guglielmo Loths, fil-1530 Fra Giovanni Bosio, fil-1579 Don Tommaso Zabbar u fis-1610 Don Leonardo Abela.

Din il-knisja kienet mgħammra bi tlett pitturi li juru n-Nawfraġju, il-Miraklu tal-Lifgħa u l-Fejqan tal-Morda minn San Pawl. Taħt kull wieħed minn dawn il-kwadri kien hemm skrizzjoni bil-Latin. Meta fl-1624 ġie jżur Malta Johann Friedrick Breithaupt, huwa ġie milqut mill-kwadri ta' din il-knisja tant li fil-ktieb tiegħu Kristiche Helden Insel Malta (Frankfurt 1632), huwa mhux biss isemmihom iżda wkoll jirriproduċi t-test Latin tagħhom. L- istess għamel il-Kapuċċin Patri Pelagju f'manuskritt ddatat 1775, meta l-Knisja bil-kwadri tagħha kienet diġà ġiet sostitwita b'oħra.

Il-Gram Mastru Alof de Wignacourt (1601-1622)

Fil-bidu tas-seklu sbatax beda jaħkem fuq il-gżejjer tagħna l-Gran Mastru Alof de Wignacourt, diplomatiku kbir u bniedem wisq reliġjuż li kellu devozzjoni personali qawwija lejn San Pawl, anki, mħabba l-fatt li San Pawl kien il-patrun tal-lingwa Franċiża tal-Ordni. Dan beda jikkoltiva fi gżiritna l-postijiet marbuta ma' San Pawl u għalhekk għamel kulma seta' biex jieħu f'idejħ u jarrikkixxi b'opri kemm il-Grotta ta' San Pawl fir-Rabat kif ukoll il-knisja ta' San Pawl il-Baħar. Iż-żmien kien opportun għax wara r-rebħa kbira fuq it-Torok fl-Assedju l-Kbir tal-1565 il-minaċċja tal-invażjonijiet mit-Torok kienet naqset ħafna. Il-Kavalieri issa wara 70 sena kienu ntrabtu sew ma’ Malta u t-tentazzjoni li jitilqu kienet spiċċat u l-gżejjer tagħna bdew jaraw ċerta prosperità, li hi meħtieġa biex tiffjorixxi l-arti.

Barra minn skopijiet ġenwini ta' devozzjoni, l-Ordni ta' San Ġwann kien politikament jaqbillu li jkollu taħt idejh u jsebbaħ knejjes marbuta mal-miġja tal-Appostlu San Pawl, għax b'hekk kien aktar jitħabbeb mal-poplu Malti u jniżżel għeruqu mhux biss fil-blat Malti iżda wkoll fil-qlub tal-Maltin. Santwarji Pawlini kienu wkoll jagħtu lill-Ordni prestiġju akbar internazzjonali, għax fi żmien il-Kontro-Riforma post b'rabta fiżika ma' xi appostlu kien oġġett ta' prestiġju kbir. F'dan il-kontest Wignacourt sab appoġġ kbir mill-eremita Sapanjol Juan Beneguas de Cordoba li fl-istess żmien kien ġie jgħix fl-inħawi tal-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat u rnexxielu jeħodha f'idejh u jkabbar id-devozzjoni tagħha fuq linji internazzjonali.

Ma setax ikun hemm alleanza aħjar minn din għax Beneguas kellu nkwiet x'se jiġri mill-Grotta meta jispiċċa hu u Wignacourt kellu nteress li joħloq istituzzjoni b'saħħitha anki finanzjarjament biex iżżomm numru ta' qassisin joffiċċjaw fil-Grotta. Dan ried jagħmlu mhux minn flus l-Ordni iżda minn flusu stess. Iżda waqt li Beneguas jidher aktar mehdi fuq il-Grotta, Wignacourt jidher b'ideat aktar wiesgħa u determinat li ma jgħaġġilx jikkonkludi qabel ma' jorbot San Pawl il-Baħar mal-Grotta u b'hekk joħloq katina ta' qima Pawlina fil-gżira. Ried ukoll isaħħaħ u jsebbaħ iż-żona esposta ta' San Pawl il-Baħar bil-bini ta' Torri li jindokra l-kosta.

Bini tat-torri u knisja ġdida

Biex jilħaq dan il-għan il-Gran Mastru fis-6 ta' Novembru tal-1609 laqqa' l-Kunsill tal-Ordni u esponielhom il-proġett tiegħu. Wara li kiseb l-approvazzjoni meħtieġa, Wignacourt kiteb lir-Riċevitur tal-Ordni, il-Kavallier Vincenzo La Marra, biex jispjegalu l-ħtieġa ta' dan it-torri, kif ukoll waqqaf Kummissjoni biex tistħarreġ l-aħjar post fejn isir. Il-pjanta tħalliet f’idejn l-arkitett Vittorio Cassar, bin il-famuż Ġlormu, l-arkitett ta' San Ġwann fil-belt Valletta u ta' SantukWistin fir-Rabat. Il-fehma tal-Kummissjoni kienet li l-aktar punt strateġiku kien sewwa sew iż-żona tal-knisja ta' San Pawl. Wieħed irid jaħseb li għalhekk il-knisja kienet inbniet hemm, għax kien l-aħjar post fejn titgawda u toffri l-isbaħ dehra tal-port. Il-konsegwenza kienet li fl-interess primarju tas-sigurta' tal-kosta tinħatt il-knisja u tinbena f’post ieħor f'dik l-istess żona.

Ġie ppjanat li ssir ċeremonja waħda l-aktar solenni li fiha titneħħa l-ewwel ġebla tal-Knisja fejn kellu jinbeda t-torri, u fl-istess ħin tittieħed u titqiegħed bħala l-ewwel ġebla tal-knisja l-ġdida. Ħadu sehem kemm il-Gran Mastru u d-dinjitarji tal-Ordni kif ukoll l-Isqof Gargallo u l-Kapitlu tal-Katidral. L-isqof qaddes u ntona Te Deum fil-knisja l-qadima, imbagħad ittieħdet ġebla minn dik il-knisja f’purċissjoni għall-post il-ġdid fit-telgħa ftit ‘il bogħod aktar fil-għoli. Wara li tbierket u ntqal it-talb, tqiegħdet bħala l-pedament tal-knisja l-ġdida. Kemm l-isqof kif ukoll il-Gran Mastru difnu ma' din l-ewwel ġebla xi muniti u medalji. Il-knisja baqgħet taħt il-ġurisdizzjoni tal-lsqof u baqa' jagħmel minnha l-istess Rettur Don Leonardo Abela. Kienet qed tinbena minn flus l-Ordni li kien ħass il-ħtieġa li jwaqqa' l-oħra, u kienet qed tiżżejjen bi kwadri ġodda. L-Ordni qatt ma kien jixxaħħaħ fejn jidħol il-kult divin. Wieħed hawn isaqsi x'sar minnhom it-tlett kwadri l-antiki, li kienu ġibdu l-attenzjoni ta' xi viżitaturi, fosthom Breithaupt li semmejna u li rreġistra l-iskrizzjonijiet latini tagħhom?

Ritratt - Noel CiantarĦidma diplomatika f’Ruma

Semmejna aktar ‘il fuq li Beneguas, li kien ħa l-Grotta tar-Rabat taħt idejħ.  Kien qed ifittex li jserraħ moħħu li dak li wettaq hu ma jintilifx wara mewtu. X'hemm aħjar milli jgħaddiha f’idejn xi ordni reliġjuż, biex jiżgura kontinwazzjoni? Il-Gran Mastru Wignacourt minn naħa tiegħu kien qed jagħmel l-almu kollu tiegħu biex jurih li l-Ordni Gerosolimitan, bħala ordni reliġjuż, lest mhux biss jaċċettaha u jsebbaħha iżda wkoll jagħmel fondazzjoni u dan billi l-Gran Mastru nnifsu minn flusu jixtri ħafna artijiet ħalli mir-renditi tagħhom imantni lir-reliġjużi tiegħu li joffru servizz fil-post. Iżda l-Grotta sa issa ma kienet ta' ebda ordni reliġjuż iżda tad-Djoċesi, u Beneguas ħadha f'idejh b'responsabilta lejn id-Djoċesi. L-istess bħalma l-knisja tan-Nawfraġju f’San Pawl il-Baħar kienet tad-Djoċesi b'benefiċċju amministrat minn Dun Leonardu Abela. U hawn bdiet il-ħidma intensa diplomatika ta' Wignacourt, dokumentata sew fil-korrispondenza ufficjali tal-Ordni, biex permezz tal-ambaxxaturi tiegħu f’Ruma u permezz tal-istess Beneguas li mar Ruma, Palermo u Napli biex jiddiskuti fl-interess tal-Gran Mastru, il-Papa jaċċetta li kemm il-Grotta kif ukoll il-knisja tan-Nawfraġju f'San Pawl il-Baħar jgħaddu f’idejn l-Ordni.

Fil-każ ta' San Pawl il-Baħar il-Gran Mastru xtaq li l-benefiċċju marbut mal-knisja jgħaddi wkoll f’idejh biex ma' dak li kien beħsiebu jżid miegħu isir aktar sostanzjali. Iżda meta ra li dan hu difficli abbanduna l-ideja u offra li hu stess jaħseb għal kollox.

In-negozjati jidher li ħadu fit-tul, u ħa fit-tul ukoll l-istess bini tal-knisja tal-Ħġejjeġ (jew tan-Nawfraġju) għax meta l-Isqof Cagliares għamel iż-żjara pastorali fit-13 ta' Mejju 1615 huwa kkummenta li l-bini kien għadu lura ħafna u ordna lill-beneficjarju Dun Leonardu Abela biex jibni ċimiterju madwar il-Knisja.

Wara ħidma ntensa kif tixhed il-korrispondenza qawwija li għaddiet, il-Granmmastru ġabha żewġ u bl-atti notarili tan-Nutar Giovanni Tolossenti tal-ewwel ta' Frar tal-1617 huwa waqqaf il-famuża Fondazzjoni Wignacourt b'risq il-Grotta u magħha għaqqad il-knisja tan-Nawfraġju: Item Sua Signoria lllustrissima unisce et annexa alla detta Ssma Grotta, la Chiesa o sia cappella di S.Paolo a mare che pochi anni sono per sua de vozione di novo fece fabricare a sue proprie spese la quale intende che resti per sempre come dipendenza della detta S.Grotta e suo Collegio.

Titlesta l-knisja u tingħaqad mal-Grotta

F'qasir żmien il-knisja tlestiet minn kollox u ġiet iddekorata bi tlett pitturi famużi (meta kienu jinsabu fi stat tajjeb), bl-istess suġġetti tal-knisja ta' qabel iżda minn pittur kontemporanju mal-bini tal-knisja l-ġdida. L-isem ta' dan il-pittur mhux għal kollox ċert u l-kritici ma jaqblux jekk kienx Lionello Spada jew inkella Cassarino. Dak li hu żgur hu li kien dixxiplu tal-magħruf Michelangelo Merisi da Caravaggio li ftit snin qabel kien ħallielna l-famużi kapolavuri ġo San Gwann.

Il-knisja tbierket mill-lsqof ta' Malta Baldassare Cagliares fit-3 ta' Mejju 1617. L-arkitett mhux dokumentat iżda jagħmel wisq sens li hu l-arkitett tal-Ordni Vittorio Cassar, li bena wkoll it-torri. Il-Fondazzjoni Wignacourt imwaqqfa fl-1617  ġabet  il-konferma uffiċjali mill-Papa fl-1619 (tertio Idus Januarii 1620) fejn ġie wkoll repetut li l-knisja tan-Nawfraġju tagħmel parti mill-istess fondazzjoni tal-Grotta. Ta’ min iżid hawnhekk li l-art li fuqha nbniet din il-knisja kienet tappartjeni lid-Dumnikani li sa llum għandhom dar ta' villeġġjatura biswitha. Biex jinbena t-torri ttieħdet propjetà tagħhom, fejn twaqqgħu ħitan diviżorji tal-għelieqi, u fiha wkoll inbniet il-knisja. Madwar 40 sena wara, id-Dumnikani ressqu talba għal kumpens ta' dik l-art. Meta bdiet taħdem din il-fondazzjoni l-ġdida grupp ta' reliġjużi tal-Ordni bdew jgħixu kontinwament fil-Kulleġġ, joffiċjaw fil-Grotta u jaħtru wkoll saċerdot biex iqaddes u jieħu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tas-suldati tat-torri u xi nies oħra li kienu jgħixu fl-inħawi. Nammiraw l-attenzjoni personali tal-Gran Mastru li nsista li wħud minn dawn il-Kolleġjali riedu jkunu Maltin biex jistgħu iqarru lill-poplu.

Ir-rettur ta' din il-Knisja taħt il-gurisdizzjoni tal-Ordni kellu l-obbligu jqaddes fil-Ħdud u l-festi kollha ta' devozzjoni. Il-Kolleġjali kollha kienu jmorru darba fis-sena jagħmlu l-festa tan-Nawfraġju fil-Ħadd tas-Sessaġeżima. Dan kollu skond il-Fondazzjoni Wignacourt.  Aktar tard il-Gran Mastru Cottoner żied xi festi oħra. In-numru ta' quddies fis-sena kien xi bejn 82 u 87. Il-Visti Pastorali ma baqgħux isiru aktar mill-Isqof iżda mill-Gran Prijur, bħall-knejjes l-oħra tal-Ordni. ll-Vista fil-Grotta, S.Publiju, Kulleġġ, San Pawl il-Baħar u ġieli wkoll Wied Gerżuma (billi kienet ukoll knisja tal-Ordni) kienet iddum tlett ijiem għax fis-sena 1739 insibu ħlas għal 3 pranzijiet u 3 ċeni lill-Gran Prijur għall-Viżita.

Barra s-salib ottagonu fuq barra u l-armi tal-Gran Mastru Wignacourt u aktar tard ukoll ta' Pinto, din il-knisja kellha wkoll statwa ta' San Pawl maħduma fil-ġebel. Fl-1712 kienet inkisret il-qanpiena tal-bronż li kienet fil-kampnar u ssewwiet ġo fonderija l-Belt.

Għalkemm din il-knisja kif ukoll il-Grotta għaddew f'idejn l-Ordni, xorta waħda baqgħu għeżież għad-Djoċesi. Hekk wara t-terremot kbir tal-1693, l-lsqof ta' Malta Mons. Cocco Palmieri ordna purċissjoni nazzjonali fil-Grotta u oħra f'din il-knisja f'San Pawl il-Baħar.

Arkitettura

Din il-Knisja kellha arkitettura unika fi gżiritna, b'loġġa madwarha bil-bankijiet għall-kumdita' tan-nies fejn jistrieħu u jistkennu mix-xemx u x-xita. Kien hemm ukoll xi kamra għas-saċerdot li jqaddes meta t-trasport kien aktar iebes mill-lum u jieħu żmien twil għax isir mhux bil-karozzi iżda bil-bhejjem.

 

Ritratt - Anthony M. Brincat

 

Wara li fis-1798 telqu l-Kavalieri minn Malta l-knisja għaddiet f'idejn il-Gvern u f'dik il-loġġa ta' preġju arkitettoniku konsiderevoli sar ħafna tibdil, inbnew kmamar u turġien, li aktar tard inqasmu f'żewġ appartamenti, wieħed għall-Viġendarju u l-ieħor għal użu privat, l-ewwel għall-gvern stess u aktar tard għall-kiri. Dan it-tieni appartament fir-records tad-Dipartiment tal-Artijiet infired mill-knisja (tenement 367) u ħa n-numru ta' tenement 1154. Fl-1916 dan it-tenement inkera lil Dr. Albert Victor Bernard u wara lill-Paolo Bianchi waqt li fl-1924 reġa' ngħaqad mal-ieħor tal-Viġendarju.

Il-Kolleġjali baqgħu tradizzjonalment jagħmlu quddiesa Konventwali fis-Sessagesima, li bdiet tiġi marbuta mhux biss mal-Miġja ta' San Pawl iżda wkoll mat-tluq tiegħu minn Malta. Dan hu aspett importanti. Kif jgħarrafna San Luqa, wara tlett xhur fostna, lill-priġunier Pawlu l-Maltin mhux biss ma nsewhx iżda akkomanjawh fit-tluq b'ħafna unuri u għabbewlu fil-ġifen kull ma kien meħtieġ għalih u għal sħabu. Ta' min ifakkar li d-data tal-festa liturġika tal-10 ta' Frar aktar torbot mad-data tat-tluq ta' San Pawl minn gżiritna milli tal-miġja tiegħu li saret madwar Ottubru meta l-vjaġġi bil-baħar kienu jieqfu minħabba l-periklu. Inżidu wkoll li San Pawl il-Baħar hu ż-żona tradizzjonali tal-wasla ta' Pawlu fejn tfarrak il-ġifen minn grigalata qawwija, iżda mhux tant il-post tat-tluq tiegħu.

Użanzi oħra konnessi mal-knisja - li ta' min jaħseb kif iżommhom ħajjin - huma l-ħġejjeġ waqt il-qari tal-Atti tal-Appostli u t-tberik tal-morda, peress li f’dik iż-żona seħħ il-miraklu tal-ħelsien mill-periklu tal-lifgħa u hemm San Pawl Missierna fejjaq lill-morda.

Wara l-gwerra

B'xorti ħażina l-knisja tan-Nawfraġju ntlaqtet fil-gwerra u ġġarfet. It-tlett kwadri ġew salvati iżda ġarrbu ħsarat kbar, l-aktar il-kwadru titulari, li fih huma rappreżentat bħala parti mill-folla madwar San Pawl Nawfragu l-istess Gran Mastru Wignacourt u l-pittur qsajjar tal-kwadru. Il-knisja ġiet mibnija mill-ġdid mill-gvern. Minkejja talbiet persistenti biex jerġgħu jinbnew il-kmamar li kienu ħassru l-pjanta oriġinali tal-loġoġ, id-Dipartiment tal-Mużew wera determinazzjoni li jibniha mill-ġdid fuq il-pjanta ta' Vittorio Cassar u hekk sar.

Meta fl-1962, wara negozjati twal, il-Fondazzjoni Wignacourt għaddiet mill-ġdid f'idejn id-Djoċesi u l-Grotta reġgħet ingħaqdet mal-Parroċċa ta' San Pawl, il-knisja ta' San Pawl il-Baħar għaddiet ukoll taħt il-ġurisdizzjoni tad-Djoċesi f'idejn il-Kapitlu tar-Rabat. Snin ilu il-Kapitlu fdaha f'idejn is-St Paul's Tourist Council li wara ftit żejjen il-portiku bi skrizzjonijiet fl-irħam b'diversi lingwi bit-test tal-Atti tal-Appostli. Ir-rettur preżenti (Nota Editorjali: din il-kitba saret fl-1998) hu l-Kan. Mikiel Agius li b'dedikazzjoni kbira ħoloq f'qasir żmien komunita' ħajja madwar il-knisja kif ukoll qed jieħu ħsieb il-manutenzjoni, rinovazzjoni u tisbieħ tagħha.

 

Ritratt - Noel Ciantar



J’Alla din il-knisja, bħala monument għażiż Pawlin, faċċata tal-gżejjer li jġibu wkoll ismu, tkompli tiġi kkultivata u toffri servizz u faraġ spiritwali lill-komunita' li tiffrekwentaha u li tikber konsiderevolment fis-sajf bħala post ta' villeġjatura. J’alla din il-komunita' tissaħħah u titħeġġeġ bl-ispirtu ta' San Pawl Missierna li f'dawk l-inħawi għamel l-ewwel mirakli u minn hemm għadu jixħet fuqna l-barka tiegħu.
 

Kitba ta’ Mons. Ġwann Azzopardi, (meħud mill-ktejjeb “ll-Festi Tagħna 1998” tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl, Rabat - użat bil-permess tal-awtur).
Ritratti ta’ Noel Ciantar, Anthony M. Brincat, Nikol Ciantar u mill-Internet
 

Ritratt - Noel Ciantar
mill-Internet  JohannFreiderichBrietshaupe
mill-Internet  - Wignacourt mal-pagg tieghu - Caravaggio (1607-1608)
Ritratt - Nikol Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
mill-Internet -  l-Isqof Baldassere Cagliares
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Anthony M. Brincat
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
mill-Internet  San Pawl tal Hgejjeg
mill-Internet  Tal-Hgejjeg St Pau's Bay
Postcard Antika
StPaulsBay - Without Portice
Ritratt - Noel Ciantar

Noel Ciantar © 2012-2023    webmaster@kappellimaltin.com