Le Havre
Le Havre | |||
---|---|---|---|
Franza | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
Public institution of intermunicipal cooperation with own taxation | Agglomeration community of Le Havre (en) | ||
Kap tal-Gvern | Édouard Philippe (mul) | ||
Isem uffiċjali |
Le Havre Le Havre-Marat | ||
Ismijiet oriġinali | Le Havre | ||
Kodiċi postali |
76600, 76610u 76620 | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 49°29′39″N 0°06′29″E / 49.4942°N 0.1081°EKoordinati: 49°29′39″N 0°06′29″E / 49.4942°N 0.1081°E | ||
Superfiċjenti | 46.95 kilometru kwadru | ||
Għoli | 2 m, 0 mu 105 m | ||
Fruntieri ma' | Harfleur (en) , Fontaine-la-Mallet (en) , Gonfreville-l'Orcher (en) , Montivilliers (en) , Octeville-sur-Mer (en) u Sainte-Adresse (en) | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 166,058 abitanti (1 Jannar 2021) | ||
Informazzjoni oħra | |||
Kodiċi tat-telefon |
39 | ||
Żona tal-Ħin | UTC+1u UTC+2 | ||
bliet ġemellati | Magdeburg, Dalian, il-port ta' Amsterdam, San Pietruburgu, Southampton, Tampa, Aydın, Überherrn, Campeche, Pointe-Noireu Trieste | ||
lehavre.fr |
Le Havre (/lə ˈhɑːv(rə)/, bil-Franċiż: [lə ɑvʁ(ə)]; bin-Normann: Lé Hâvre [lɛ ɑvʁ(é)]) hija belt portwali ewlenija fid-dipartiment ta' Seine-Maritime fir-reġjun tan-Normandija tat-Tramuntana ta' Franza. Tinsab max-xatt tal-lemin tal-estwarju tax-xmara Seine fil-Fliegu fin-naħa tal-Lbiċ ta' Pays de Caux, qrib ħafna tal-Meridjan. Le Havre huwa l-iżjed komun popolat tan-naħa ta' fuq tan-Normandija, għalkemm il-popolazzjoni totali tal-agglomerazzjoni ikbar ta' Le Havre hija iżgħar minn dik ta' Rouen. Wara Reims, Le Havre hija wkoll it-tieni l-ikbar subprefettura fi Franza. L-isem Le Havre ifisser "il-port". L-abitanti tal-belt huma magħrufa bħala Havrais jew Havraises.
Il-belt u l-port ġew stabbiliti mir-Re Franġisk I fl-1517. L-iżvilupp ekonomiku fil-perjodu modern bikri ġie mxekkel mill-gwerer reliġjużi, mill-kunflitti mal-Ingliżi, mill-epidemiji u mill-maltempati. Mill-aħħar tas-seklu 18, Le Havre bdiet tikber u l-port stagħna l-ewwel bil-kummerċ tal-iskjavi mbagħad bil-kummerċ internazzjonali. Wara l-bumbardamenti tal-1944, l-azjenda ta' Auguste Perret bdiet bir-rikostruzzjoni tal-belt bil-konkos. L-industriji taż-żejt, tal-kimiki u tal-karozzi kienu dinamiċi matul it-Trente Glorieuses (it-tkabbir ta' wara l-gwerra), iżda s-snin 70 tas-seklu 20 kienu t-tmiem tal-era tad-deheb tal-bastimenti oċeaniċi u l-bidu tal-kriżi ekonomika: il-popolazzjoni battiet, il-qgħad żdied u għadu fuq livell għoli sal-lum.
Il-bidliet fis-snin 90 tas-seklu 20 u fl-ewwel deċennju tas-seklu 21 kienu bosta. Il-Lemin rebaħ l-elezzjonijiet muniċipali u witta t-triq biex il-belt taqbad it-triq tar-rikonverżjoni, bil-ħsieb li jiżviluppaw is-settur tas-servizzi u l-industriji l-ġodda (l-ajrunawtika u t-turbini tar-riħ). Il-proġett tal-Port 2000 żied il-kapaċità tal-kontejners biex il-port ta' Le Havre jikkompeti mal-portijiet tat-Tramuntana tal-Ewropa, jiġu ttrasformati d-distretti tan-Nofsinhar tal-belt, u l-bastimenti oċeaniċi rritornaw. Le Havre moderna għadha influwenzata ferm mit-tradizzjonijiet marittimi u tal-impjieg tagħha. Il-port huwa t-tieni l-ikbar fi Franza, wara dak ta' Marsilja, bħala traffiku totali, u l-ikbar port Franċiż bħala għadd ta' kontejners.
Fl-2005, iċ-ċentru storiku tal-belt ta' Le Havre tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO minħabba l-arkitettura u r-rikostruzzjoni uniċi wara t-Tieni Gwerra Dinjija.[1] Il-Mużew tal-Arti Moderna ta' André Malraux huwa t-tieni l-ikbar fi Franza għall-għadd ta' pitturi tal-Impressjoniżmu. Il-belt ingħatat żewġ fjuri mill-Kunsill Nazzjonali tal-Bliet u l-Irħula li qed Jiffjorixxu fil-Kompetizzjoni tal-Bliet u l-Irħula li qed Jiffjorixxu.
Ġeografija
[immodifika | immodifika s-sors]Pożizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Le Havre tinsab 50 kilometru (31 mil) fil-Punent ta' Rouen max-xatt tal-Fliegu Ingliż u fil-bokka tax-xmara Seine. Bosta toroq jikkollegaw ma' Le Havre mat-toroq prinċipali ta' aċċess, fosthom l-awtostrada A29 minn Amiens u l-awtostrada A13 minn Pariġi li tikkollega mal-awtostrada A131.
Amministrattivament, Le Havre huwa komun fir-reġjun tan-Normandija fil-Punent tad-dipartiment ta' Seine-Maritime. Iż-żona urbana ta' Le Havre tikkorrispondi bejn wieħed u ieħor mat-territorju tal-komunità tal-agglomerazzjoni ta' Le Havre (CODAH) li jinkludi 17-il komuni u 250,000 ruħ. Tokkupa t-tarf tal-Lbiċ tar-reġjun naturali ta' Pays de Caux fejn hija l-ikbar belt. Le Havre tinsab bejn il-kosta tal-Fliegu Ingliż mil-Lbiċ sal-Majjistral u l-estwarju tax-xmara Seine lejn in-Nofsinhar.
Ġeoloġija u terren
[immodifika | immodifika s-sors]Le Havre hija parti mill-Baċir ta' Pariġi li ġie ffurmat fil-perjodu Mesożojku. Il-Baċir ta' Pariġi jikkonsisti minn blat sedimentarju. Il-komun ta' Le Havre jikkonsisti minn żewġ żoni sseparati minn tarf naturali bl-irdumijiet: żona fil-parti t'isfel tal-belt lejn in-Nofsinhar li tinkludi l-port, iċ-ċentru tal-belt u s-subborgi. Inbniet fuq artijiet li qabel kienu mraġ u artijiet imtajna li ġew imbattla mill-ilma fis-seklu 16. Il-ħamrija tikkonsisti minn diversi metri ta' alluvju jew depożiti ta' sedimenti mix-xmara Seine. Iċ-ċentru tal-belt ġie rikostruwit wara t-Tieni Gwerra Dinjija bl-użu ta' metru ta' radam iċċattjat bħala pedament.
Il-belt ta' fuq lejn it-Tramuntana, hija parti mill-promontorju ta' cauchois: il-kwartier ta' Dollemard huwa l-ogħla punt (bejn 90 u 115-il metru (295 pied u 377 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar). Il-promontorju huwa miksi b'saff ta' tafal biż-żnied u depożiti sedimentarji għammiela. Is-saff ewlieni tal-baċir jikkonsisti minn ħxuna kbira ta' ġibs fonda sa 200 metru (656 pied). Minħabba x-xaqliba tal-art, il-kosta hija affettwata mir-riskju taċ-ċedimenti tal-art.
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Minħabba l-pożizzjoni tagħha tul il-kosta tal-Fliegu Ingliż, il-klima ta' Le Havre hija klima oċeanika miti. Rari jkun hemm jiem mingħajr riħ. Ikun hemm influwenzi marittimi s-sena kollha. Skont ir-rekords tal-istazzjon meteoroloġiku ta' Cap de la Heve (mill-1961 sal-1990), it-temperatura tinżel taħt iż-0 °C (32 °F) f'24.9 jum fis-sena u taqbeż il-25 °C (77 °F) fi 11.3-il jum fis-sena. Il-medja ta' sigħat ta' xemx fis-sena hija ta' 1,785.8 siegħa fis-sena.
Il-preċipitazzjoni tinżel is-sena kollha, b'livell massimu fil-ħarifa u fix-xitwa. Ix-xhur ta' Ġunju u ta' Lulju jesperjenzaw xi maltempati bir-ragħad, bħala medja għal jumejn fix-xahar. Waħda mill-karatteristiċi tar-reġjun hija l-varjabbiltà kbira fit-temperaturi, anke binhar. L-irjieħ prevalenti jiġu mil-Lbiċ b'irjieħ qawwijin u mit-Tramuntana u mill-Grigal għaż-żiffa. Fix-xitwa jkun hemm il-borra, speċjalment f'Jannar u fi Frar.
Ir-rekord assolut tal-veloċità tar-riħ f'Le Havre – Cap de la Heve ġie rreġistrat fis-16 ta' Ottubru 1987 b'180 kilometru fis-siegħa (112-il mil fis-siegħa).
Il-perikli naturali prinċipali huma l-għargħar, il-maltempati u ż-żieda ta' maltempati. Il-belt t'isfel hija soġġetta għal-livell dejjem jiżdied tal-ilma tal-pjan. In-nuqqas ta' mogħdijiet tal-ilma fi ħdan il-komun jipprevjeni l-għargħar mill-flussi żejda. Il-bajja ta' Le Havre qajla tesperjenza l-għargħar mill-maltempati. Dawn jiġu kkawżati mill-kombinament ta' rjieħ qawwijin, mewġ għoli u marea għolja.
Belt | Xemx(sigħat f'sena) | Xita
(mm f'sena) |
Borra
(jiem f'sena) |
Maltemp
(jiem f'sena) |
Ċpar
(jiem f'sena) |
---|---|---|---|---|---|
Medja nazzjonali | 1,973 | 770 | 14 | 22 | 40 |
Le Havre | 1,786 | 709 | 11 | 13 | 53 |
Pariġi | 1,661 | 637 | 12 | 18 | 10 |
Nizza | 2,724 | 767 | 1 | 29 | 1 |
Strasburgu | 1,693 | 665 | 29 | 29 | 56 |
Brest | 1,605 | 1,211 | 7 | 12 | 75 |
Data klimatika għal Le Havre (Cap de la Heve, temp. normali fl-1991-2020, temp. estremi 1913-preżent) | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja rekord f'°C (°F) | 15.0
(59.0) |
20.0
(68.0) |
24.5
(76.1) |
26.5
(79.7) |
30.0
(86.0) |
34.7
(94.5) |
38.1
(100.6) |
36.3
(97.3) |
33.6
(92.5) |
28.5
(83.3) |
20.0
(68.0) |
16.4
(61.5) |
38.1
(100.6) |
Temp. għolja medja f'°C (°F) | 7.6
(45.7) |
8.0
(46.4) |
10.5
(50.9) |
13.3
(55.9) |
16.2
(61.2) |
19.0
(66.2) |
20.9
(69.6) |
21.2
(70.2) |
19.1
(66.4) |
15.5
(59.9) |
11.3
(52.3) |
8.4
(47.1) |
14.3
(57.7) |
Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) | 5.7
(42.3) |
6.0
(42.8) |
8.1
(46.6) |
10.4
(50.7) |
13.3
(55.9) |
16.0
(60.8) |
18.0
(64.4) |
18.4
(65.1) |
16.4
(61.5) |
13.1
(55.6) |
9.3
(48.7) |
6.5
(43.7) |
11.8
(53.2) |
Temp. għolja medja f'°C (°F) | 3.9
(39.0) |
3.9
(39.0) |
5.6
(42.1) |
7.5
(45.5) |
10.3
(50.5) |
13.1
(55.6) |
15.1
(59.2) |
15.6
(60.1) |
13.7
(56.7) |
10.8
(51.4) |
7.4
(45.3) |
4.7
(40.5) |
9.3
(48.7) |
Temp. baxxa rekord f'°C (°F) | −13.8
(7.2) |
−12.5
(9.5) |
−7.8
(18.0) |
−1.0
(30.2) |
1.2
(34.2) |
4.4
(39.9) |
8.0
(46.4) |
8.4
(47.1) |
3.3
(37.9) |
−0.2
(31.6) |
−8.5
(16.7) |
−8.6
(16.5) |
−13.8
(7.2) |
Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) | 67.5
(2.66) |
53.7
(2.11) |
52.5
(2.07) |
52.3
(2.06) |
56.5
(2.22) |
58.0
(2.28) |
48.7
(1.92) |
66.0
(2.60) |
65.4
(2.57) |
86.2
(3.39) |
87.5
(3.44) |
95.5
(3.76) |
789.8
(31.09) |
Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni (≥ 1.0 mm) | 12.4 | 11.2 | 10.1 | 9.6 | 9.0 | 8.6 | 7.8 | 9.2 | 9.1 | 12.4 | 13.5 | 14.7 | 127.7 |
Medja ta' jiem bil-borra | 2.3 | 3.0 | 2.1 | 1.0 | 0.1 | 0.0 | 0.0 | 0.0 | 0.0 | 0.0 | 1.0 | 1.5 | 11.0 |
Umdità relattiva medja (%) | 87 | 85 | 84 | 81 | 81 | 83 | 83 | 82 | 82 | 85 | 86 | 87 | 83.8 |
Medja ta' sigħat ta' xemx fix-xahar | 62.9 | 87.7 | 136.2 | 179.5 | 214.6 | 224.4 | 237.8 | 218.5 | 168.3 | 124.5 | 74.7 | 56.7 | 1,785.8 |
Sors 1: Météo France[2] | |||||||||||||
Sors 2: Infoclimat.fr (humidity, snowy days and sun, 1961–1990)[3] |
Ambjent
[immodifika | immodifika s-sors]Studju ta' Aphekom li jqabbel għaxar bliet Franċiżi wera li Le Havre hija l-inqas komun urban imniġġes ta' Franza. Le Havre hija wkoll t-tielet l-aqwa belt fi Franza b'iktar minn 100,000 abitant bħala kwalità tal-arja. Rendikont tal-karbonju wera fl-2009 li l-muniċipilità kienet temetti xi 32,500 tunnellata ta' CO2 fis-sena. Fl-2011, l-emissjonijiet annwali medji ta' diossidu tal-kubrit mill-industrija kienu bejn tliet mikrogrammi kull metru kubu fiċ-ċentru ta' Le Havre u tnax-il mikrogramma kull metru kubu fid-distrett ta' Caucriauville.
Il-muniċipalità stabbiliet mira biex tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 bi 3 % fis-sena. Sabiex tilħaq din il-mira ġew installati pannelli solari fuq diversi binjiet muniċipali (il-muniċipju, il-ġonna vertikali). Mill-2008, Le Havre kienet parti min-network ta' Bliet tal-Enerġija u, f'dan il-kuntest, tapplika l-passi tal-Aġenda 21 u Approċċ Ambjentali lejn l-Ippjanar Urban. Il-belt ingħatat bosta premjijiet ta' ekotikketti diversi drabi (it-tikketta tal-Enerġija tal-Futur fl-2009-2011, it-tikketta tad-Dinja sostenibbli fl-2009). Mill-1998, il-bajja ta' Le Havre ngħatat il-Bandiera Blu sena wara l-oħra bis-saħħa tal-firxa ta' faċilitajiet tagħha, estiżi fuq 30,000 m2.
Le Havre żammet żoni ħodor estensivi (750 ettaru jew 41 m2 kull abitant). L-ikbar żewġ żoni huma l-Foresta ta' Montgeon u l-Park ta' Rouelles li t-tnejn jinsabu fil-belt ta' fuq. Il-ġonna tal-Pirjolat ta' Graville u l-ġonna vertikali joffru veduti tal-belt t'isfel. Fiċ-ċentru tal-belt, il-Pjazza ta' San Rokku u l-Ġonna tal-Muniċipju jipprovdu żoni urbani ta' rikreazzjoni għan-nies. Diversi ekosistemi huma rrappreżentati fil-Ġonna tal-Bajja u l-Park ta' Hauser (għerien). Finalment, il-Promontorju ta' Dollemard ġie kklassifikat bħala "Żona Naturali Sensittiva" tad-dipartiment fl-2001 biex jipproteġi l-pajsaġġ u l-ekosistemi tal-belt fuq l-irdumijiet. It-toroq fihom 13,000 siġra ta' 150 varjetà differenti.
Konfigurazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Belt t'isfel
[immodifika | immodifika s-sors]Belt rikostruwita wara l-1945
[immodifika | immodifika s-sors]Meqruda kważi għalkollox matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-belt ġiet rikostruwita skont il-pjanti tal-arkitett Auguste Perret bejn l-1945 u l-1964. Il-Muniċipju u l-Knisja ta' San Ġużepp (għolja 107 metru) ġew iddisinjati personalment minn Auguste Perret. Bis-saħħa ta' dan ix-xogħol ta' rikostruzzjoni, il-belt ta' Le Havre tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-15 ta' Lulju 2005. Din iż-żona ta' 133 ettaru hija waħda mill-ftit siti kontemporanji fl-Ewropa li tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. L-arkitettura taż-żona hija kkaratterizzata mill-użu tal-konkos prefabbrikat permezz ta' sistema ta' qafas modulari ta' 6.24 metri u linji dritti.
Xogħol arkitettoniku notevoli ieħor tal-belt ċentrali huwa dak tad-Dar tal-Kultura. Din il-binja nbniet fl-1982 mill-arkitett Brażiljan Oscar Niemeyer u ġiet imlaqqma "il-Vulkan" minħabba l-għamla tagħha. Mill-2012, din ġiet immodernizzata minn ġewwa u minn barra b'għadd ta' bidliet pjuttost sinifikanti approvati mill-arkitett, inkluż iktar ftuħ 'il barra lejn il-pjazza.
Il-kwartieri ta' Notre Dame u ta' Perrey huma primarjament residenzjali. Les Halles hija wieħed miċ-ċentri kummerċjali tal-belt. Il-kwartier ta' San Franġisk ġie rikostruwit ukoll mill-bidu tal-1950 iżda bi stil arkitettoniku radikalment differenti: il-binjiet huma tal-brikks b'soqfa tal-lavanja. Dan il-kwartier huwa distrett bir-ristoranti u fih is-suq tal-ħut.
Kwartieri
[immodifika | immodifika s-sors]Lejn il-Lvant u t-Tramuntana tal-belt ċentrali rikostruwita hemm sensiela ta' kwartieri antiki (Danton, Saint-Vincent, Graville, Massillon, eċċ.) li ħelsuha ħafif mill-ibbumbardjar tat-Tieni Gwerra Dinjija. Il-binjiet, normalment tal-brikks, li jmorru lura lejn is-seklu 19 u l-ewwel nofs tas-seklu 20. Il-ħwienet huma kkonċentrati tul diversi toroq prinċipali fil-kwartier ta' Rond-Point. Matul l-aħħar deċennju tas-seklu 20 u l-ewwel deċennju tas-seklu 21, dawn il-kwartieri esperjenzaw bosta żviluppi mill-ġdid, b'mod partikolari fil-kuntest ta' OPAH: it-titjib tal-ħabitat b'riabilitazzjoni jew b'rikostruzzjoni, il-ħolqien ta' faċilitajiet pubbliċi, u r-rivitalizzazzjoni tan-negozju.
Lejn l-aħħar tas-seklu 20 u l-bidu tas-seklu 21, iż-żona ta' madwar l-istazzjon ferrovjarju saritilha trasformazzjoni kbira. L-istazzjon huwa l-portal tal-aċċess tal-belt b'intersezzjoni ta' diversi toroq prinċipali. Inbnew binjiet ġodda (l-Università ta' Le Havre, il-konservatorju, il-kwartieri ġenerali tal-SPB (Provident Society Bank), u tas-CMA CGM, in-Novotel, il-Matmut, CCI ġdid) u wħud minnhom ġew iddisinjati minn arkitetti rinomati. Il-venda tal-karozzi tal-linja, iċċertifikata NF mill-2005, ġiet immodernizzata. Fit-Tramuntana mill-venda, proġett ieħor ta' kostruzzjoni minflok il-gżira dilapidata ta' Turgot-Magellan inbeda fl-2013, inkluż 12,500 m2 (135,000 pied kwadru) ta' uffiċini u lukanda ta' tmien sulari, bi ħwienet fil-pjan terran.
Distretti tan-Nofsinhar
[immodifika | immodifika s-sors]Id-distretti tan-Nofsinhar ta' Le Havre jintużaw primarjament għal attivitajiet industrijali u portwali. Hemm binjiet tal-brikks mis-seklu 19, żviluppi kbar (Chicago, Les Neiges), proprjetajiet tal-ħaddiema, SMEs, imħażen, faċilitajiet ta' baċiri u portwali, u infrastruttura tat-trasport.
Id-distretti tan-Nofsinhar għal xi snin esperjenzaw bidla kbira minħabba l-finanzjament Ewropew. Ġew rivitalizzati ż-żoni ttraskurati mill-attivitajiet industrijali u portwali permezz tal-iżvilupp ta' attivitajiet terzjarji. Għalhekk, il-baċiri ġew ittrasformati għalkollox f'kumplessi sportivi u tad-divertiment (Dock Océane), stabbiliment kummerċjali (Docks Vauban), u sala tal-wirjiet (Docks Café). Les Bains Des Docks ġew iddisinjati mill-arkitett Jean Nouvel. Sal-aħħar tal-2012, studenti minn Sciences-Po Europe Asia u mill-INSA integraw binjiet ġodda qrib l-ISEL (l-Istitut Għoli tal-Istudji tal-Loġistika) u l-ENSM (Ecole Nationale Supérieure Maritime). L-assi medika ġdida madwar il-Clinic des Ormeaux ġdida nbena fil-kwartieri fejn bosta djar ġew ippjanati bl-għan li tiġi promossa tiżwiqa soċjali. Il-Belt tal-Baħar u tal-Iżvilupp Sostenibbli (Odissea 21) ġiet organizzata madwar torri tal-metall għoli mitt metru ddisinjat minn Jean Nouvel: il-proġett ġie sospiż fl-2007 iżda x-xogħol kellu jerġa' jkompli fl-2013. Il-muniċipalità għandha l-għan li tattira xi 300,000 viżitatur fis-sena.
Belt ta' fuq
[immodifika | immodifika s-sors]Il-belt ta' fuq hija magħmula minn tliet partijiet: il-"kosta", id-distretti suburbani tal-promontorju, u abitazzjonijiet periferiċi kbar.
Il-kwartieri tal-"kosta" (l-Irdumijiet Mejtin) huma residenzjali – iktar prosperużi fil-parti tal-Punent (Les Ormeaux, Rue Felix Faure) u iktar mudesti fil-parti tal-Lvant (St. Cecilia, Aplemont). Il-mina ta' Jenner tgħaddi taħt il-"kosta" u tikkollega l-belt ta' fuq mal-belt t'isfel. Fil-kosta hemm ukoll żewġ fortifikazzjonijiet tal-belt, Forts Sainte-Adresse u Tourneville, u ċ-ċimiterju prinċipali (iċ-ċimiterju ta' Santa Marija). Bl-għebien tal-funzjonijiet militari tal-belt, il-fortijiet gradwalment ġew ikkonvertiti: Fort Sainte-Adresse jospita l-Ġonna Vertikali u Fort Tourneville ospita l-proġett Tetris fl-2013 – bħala assi tal-mużika kontemporanja bi swali tal-kunċerti u studjos ta' prova.
Lejn it-Tramuntana tal-"kosta" ġew żviluppati distretti suburbani bħal Rouelles, Sainte-Cecile, la Mare au Clerc, Sanvic, Bleville u Dollemard matul l-ewwel nofs tas-seklu 19. Fl-estensjoni tagħhom lejn il-Majjistral bejn Bleville u l-ajruport ta' Octeville, ġiet żviluppata żona ġdida: "Les Hauts de Bleville". Dan id-distrett ekoloġiku huwa magħmul minn unitajiet domestiċi skont l-istandardsa tal-HQE, żona ta' żvilupp konġunt, u skola b'total ta' 1,000 unità domestika.
Is-subborgi periferiċi tal-komun kibru fil-perjodu ta' wara l-gwerra. Dawn huma żoni kbar bl-abitazzjonijiet f'Caucriauville, f'Bois de Bleville, f'Mont-Gaillard u f'Mare-rouge fejn hemm konċentrazzjoni ta' popolazzjoni żvantaġġata. F'Ottubru 2004, l-Aġenzija Nazzjonali għar-Rinnovament Urban (ANRU) iffirmat mal-muniċipalità ta' Le Havre l-ewwel ftehim ta' finanzjament tar-riabilitazzjoni ta' dawn iż-żoni. Dan il-ftehim ta' finanzjament jipprovdi iktar minn 340 miljun ewro għall-unitajiet domestiċi fid-distretti tat-Tramuntana, fejn jirresjedu madwar 41,000 ruħ. Dan l-iżvilupp jestendi l-baġit għall-Grand Projet de Ville (GPV). Jippermetti t-twaqqigħ u r-rikostruzzjoni ta' iktar minn 1,700 dar.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Meta ġiet stabbilita fl-1517, il-belt ġiet imsejħa Franciscopolis f'ġieħ Franġisk I ta' Franza. Sussegwentement ingħatat l-isem ta' Le Havre-de-Grâce ("Port tal-Grazzja"). Il-kostruzzjoni tagħha ġiet ordnata bħala sostituzzjoni tal-portijiet antiki ta' Honfleur u ta' Harfleur li saru inqas utli minħabba d-depożiti sedimentarji.
L-istorja tal-belt għandha rabta sfiqa mal-port tagħha. Fis-seklu 18, il-kummerċ mill-Indji tal-Punent żdied ma' dak ta' Franza u l-Ewropa, u Le Havre bdiet tikber. Fid-19 ta' Novembru 1793, il-belt bidlet isimha għal Hâvre de Marat u iktar 'il quddiem għal Hâvre-Marat f'ġieħ Jean-Paul Marat, li tqies bħala martri tar-Rivoluzzjoni Franċiża. Madankollu, sal-bidu tal-1795, il-memorja ta' Marat ġiet kemxejn mimsusa, u fit-13 ta' Jannar 1795, Hâvre-Marat bidlet isimha mill-ġdid u saret sempliċement Le Havre, l-isem modern tagħha. Matul is-seklu 19, il-belt saret ċentru industrijali.
Fl-aħħar tal-Ewwel Gwerra Dinjija, Le Havre kellha rwol ewlieni bħala l-port ta' tranżitu li ntuża kummerċjalment wara l-gwerra.
Il-belt ġiet devastata matul il-Battalja tan-Normandija meta 5,000 ruħ inqatlu u 12,000 dar inqerdu għalkollox qabel ma l-belt nħatfet fl-Operazzjoni Astonia. Iċ-ċentru ġie rikostruwit bi stil Modernist minn Auguste Perret.
Toponimija
[immodifika | immodifika s-sors]L-isem tal-belt ġie attestat fl-1489, saħansitra qabel ġiet stabbilit minn Franġisk I bħala le Hable de Grace u mbagħad bħala Ville de Grace fl-1516, sentejn qabel l-istabbiliment uffiċjali. L-isem ta' Franciscopolis f'ġieħ l-istess re ġie rreġistrat f'xi dokumenti, imbagħad dak ta' Havre Marat, b'referenza għal Jean-Paul Marat matul ir-Rivoluzzjoni Franċiża iżda ma ġiex impost. Madankollu, dan jispjega għaliex il-kumplament tal-isem -de-Grace ma baqax jintuża. Dan il-kwalifikatur bla dubju kien jirreferi għall-Kappella ta' Notre Dame de Grace ta' Honfleur fuq in-naħa l-oħra tal-estwarju. In-nom komuni havre li jfisser "port" ma baqax jintuża fl-aħħar tas-seklu 18 u fil-bidu tas-seklu 19 iżda baqa' ppreservat fil-frażi havre de paix li tfisser "irpar" jew "kenn". Ġeneralment jitqies bħala terminu misluf mill-Olandiż Nofsani tas-seklu 12. Oriġini Ġermanika tista' tispjega l-"aspirazzjoni" tal-h inizjali jiġifieri li ma tiġix pronunzjata. Havre de Grace, Maryland, fl-Istati Uniti għad għandha l-kwalifikatur "de Grace" taż-żmien kolonjali.
Madankollu, riċerka ġdida tiffoka fuq il-fatt li t-terminu ġie attestat kmieni ħafna (is-seklu 12) u fit-testi Normanni fil-forom Hable, hafne, havene, havne u haule x'aktarx li jfisser li l-oriġini Olandiża ma tantx hija probabbli. Min-naħa l-oħra, etimoloġija Skandinava hija rilevanti meta jitqies it-terminu Skandinavu antik höfn (il-ġenitiv hafnar) jew hafn li jfisser "port naturali" jew "irpar" u l-evoluzzjoni fonetika tat-terminu étrave li ċertament għandu oriġini Skandinava u huwa attestat ukoll f'forom bħal estable u x'aktarx li jmur lura għall-Iskandinavu antik stafn.
Arma tal-belt
[immodifika | immodifika s-sors]Arma attwali ta' Le Havre. Is-salamandra ġej mill-arma ta' Franġisk I; l-iljun ġej mill-arma Belġjana; issostitwixxa ġilju fl-1926 bħala tfakkira tal-gvern Belġjan f'eżilju f'Le Havre matul l-Ewwel Gwerra Dinjija). | Gules, salamandra fiddiena jew fil-fjammi, il-ġilju fi sfond blu u iljun. | |
L-arma ta' Le Havre fl-Ewwel Imperu Franċiż. | Gules, salamandra fiddiena jew fil-fjammi, tliet stilel fi sfond blu u l-ittra N. |
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Le Havre, il-belt rikostruwita minn Auguste Perret, ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2005.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Politika u amministrazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Le Havre hija waħda minn żewġ subprefetturi ta' Seine-Maritime u t-tieni l-ikbar subprefettura fi Franza wara Reims. Hija l-belt kapitali tal-Arrondissement ta' Le Havre li tinkludi 149 komun. Hija wkoll l-ikbar membru tal-Le Havre Seine Métropole.
Mill-2015, il-belt ta' Le Havre hija maqsuma f'sitt cantons, u wħud minnhom ikopru komuni ġirien. Għall-elezzjonijiet parlamentari, Le Havre hija maqsuma fuq żewġ kostitwenzi: is-seba' (l-eks cantons I, V, VI u VII) u t-tmien (l-eks cantons II, III, IV, VIII u IX).
Xejriet u riżultati politiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Diversi politiċi qattgħu parti minn ħajjithom fil-belt: Jules Lecesne (1818–1878), Jules Siegfried (1837–1922), u Félix Faure (1841–1899) ġew eletti bħala kunsilliera muniċipali u membri parlamentari. Pixxina, ċentru kummerċjali bil-ħwienet u triq ġew imsemmija għal René Coty minn Le Havre, li kien President tar-Repubblika Franċiża mill-1954 sal-1959. Christine Lagarde (li twieldet fl-1956) attendiet l-iskejjel sekondarji u postsekondarji f'Le Havre qabel ma saret Ministru għall-Ekonomija u d-Direttur Ġenerali tal-Fond Monetarju Internazzjonali fl-2011.
Mit-23 ta' Ottubru 2010 is-sindku kien Édouard Philippe (UMP). Huwa għandu wkoll il-Presidenza tal-CODAH u kellu siġġu fl-Assemblea Nazzjonali għas-seba' distrett ta' Seine-Maritime mill-2012. Huwa kien is-suċċessur ta' Antoine Rufenacht (UMP), li kien sindku ta' Le Havre għal ħmistax-il sena qabel ma rriżenja, bħala l-kap tal-muniċipalità. Il-belt ta' Le Havre ilha żmien twil l-iktar bastjun b'saħħtu tal-Partit Komunista ta' Franza, li kienet fit-tmun fil-pajjiż mill-1956 sal-1995. Kollox ma' kollox, l-abitanti ta' Le Havre fis-seba' distrett elettorali (iċ-ċentru tal-belt u l-kwartieri tal-Punent) għandhom it-tendenza li jivvutaw għal-Lemin filwaqt li dawk tat-tmien distrett elettorali (il-kwartieri tal-Lvant) għandhom it-tendenza li jagħżlu l-kandidat tax-xellug. Pereżempju, fl-elezzjoni presidenzjali tal-2007, is-seba' distrett elettorali vvota għal Nicolas Sarkozy (UMP) b'55.05 % tal-voti u b'44.95 % tal-voti għal Ségolène Royal (PS), filwaqt li fit-tmien distrett elettorali, 55.02 % ivvutaw favur il-kandidat Soċjalista. Madankollu, ir-riżultati tal-elezzjonijiet presidenzjali tal-2012 wasslu għal rebħiet għall-partit PS fiż-żewġ distretti b'marġni iżgħar fis-seba' distrett (Hollande: 51.71 % / Sarkozy: 48.29 %) milli fit-tmien distrett (Hollande 64.21 % / Sarkozy: 35.79 %).
Amministrazzjoni muniċipali
[immodifika | immodifika s-sors]L-għadd ta' abitanti f'Le Havre huwa bejn 150,000 u 199,999 ruħ, għaldaqstant l-għadd ta' kunsilliera huwa 59 membru. Is-sindku, 41 membru anzjan u 17-il membru sostitut jiffurmaw il-Kunsill ta' Le Havre. Dan jiltaqa' darba fix-xahar fil-muniċipju. Id-dibattiti ġeneralment ikunu pubbliċi għajr għal ċerti proċedimenti.
Le Havre esperjenzat bosta estensjonijiet territorjali bl-annessjoni ta' komuni ġirien:
- 1852: Ingouville u partijiet minn Graville-l'Eure u Sanvic.
- 1919: Graville-Sainte-Honorine.
- 1953: Bleville.
- 1955: Sanvic.
- 1971: parti minn Harfleur (distrett ta' Caucriauville).
- 1973: Rouelles (bl-istatus ta' komun assoċjat, 3,184 abitant fl-2006).
Sindki
[immodifika | immodifika s-sors]Minn | Sa | Sindku |
---|---|---|
1790 | 1790 | Pierre Duval |
1790 | 1791 | Jean-Jacques Christinat |
1791 | 1791 | Frédéric Heroult |
1791 | 1793 | Jacques-Ambroise Rialle |
1793 | 1794 | Jean-Marc Belot |
1794 | 1794 | François Bayle |
1794 | 1795 | Louis Lemesle |
1795 | 1797 | Jean-Martin Gregoire |
1797 | 1797 | Jacques Ambroise Rialle |
1797 | 1797 | Marie Glier |
1797 | 1799 | Alexandre Lacorne |
1799 | 1800 | Marie Glier |
1800 | 1800 | Pierre Fortin |
1800 | 1821 | Guillaume-Antoine Sery |
1821 | 1830 | André Begouen-Demeaux |
1830 | 1830 | Lahoussaye |
1830 | 1831 | Michel Delaroche |
1831 | 1848 | Adrien Lemaistre |
1848 | 1849 | Jules Ancel |
1849 | 1849 | Alexandre Bertin |
1849 | 1849 | Frédéric Perquer |
1849 | 1853 | Adrien Lemaistre |
1853 | 1853 | Isidore Maire |
1853 | 1855 | Jules Ancel |
1855 | 1858 | Edouard Larue |
1858 | 1864 | Just Viel |
1864 | 1870 | Edouard Larue |
1870 | 1874 | Ulysee Guillemard |
1874 | 1874 | Emmanuel Bigot de la Robillardiere |
1874 | 1878 | Jules Masurier |
1878 | 1878 | Ulysee Guillemard |
1878 | 1886 | Jules Siegfried |
1886 | 1890 | Paul Marion |
1890 | 1896 | Louis Brindeau |
1896 | 1904 | Théodule Marais |
1904 | 1908 | Théodore Maillart |
1908 | 1914 | Henry Genestal |
1914 | 1919 | Pierre-François Morgand |
1919 | 1940 | Léon Meyer |
Minn | Sa | Sindku | Partit |
---|---|---|---|
1940 | 1941 | Jean Risson | |
1941 | 1941 | Georges Patrimonio | |
1941 | 1944 | Pierre Courant | |
1944 | 1947 | Pierre Voisin | PCF |
1947 | 1947 | Albert le Clainche | |
1947 | 1947 | Pierre Adolphe Jean Voisin | |
1947 | 1954 | Pierre Courant | |
1954 | 1954 | Eugène Gas | |
1954 | 1956 | Léopold Abadie | |
1956 | 1959 | René Cance | PCF |
1959 | 1965 | Robert Monguillon | SFIO |
1965 | 1971 | René Cance | PCF |
1971 | 1994 | André Duromea | PCF |
1994 | 1995 | Daniel Colliard | PCF |
1995 | 2010 | Antoine Rufenacht | RPR, UMP |
2010 | 2017 | Edouard Philippe | UMP, LR |
2017 | 2019 | Luc Lemonnier | LR |
2019 | 2020 | Jean-Baptiste Gastinne | LR |
2020 | Edouard Philippe | LR |
Istituzzjonijiet u servizzi pubbliċi
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Palazz tal-Ġustizzja ta' Le Havre jinsab fil-Boulevard de Strasbourg. Anness miegħu hemm qorti superjuri, qorti inferjuri u qorti kummerċjali. Il-belt għandha wkoll Qorti tax-Xogħol u Qorti Distrettwali. Fost is-servizzi legali offruti hemm is-servizzi tal-għajnuna ġuridika u l-applikazzjoni ta' penali. Le Havre tiddependi fuq il-Qort tal-Appell ta' Rouen. Il-ħabs, li jmur lura għat-Tieni Imperu, inqered għalkollox fl-2012. Il-ħabs il-ġdid ta' Le Havre tlesta fl-2010 f'Saint-Aubin-Routot fil-Lvant tal-agglomerazzjoni ta' Le Havre. Għandu erja ta' 32,000 m2 fis-sit ta' 15-il ettaru u jista' jakkomoda 690 ruħ.
Il-Grupp tal-Isptar ta' Havre huwa faċilità tas-saħħa pubblika ġestita minn bord superviżorju ppresjedut mis-Sindku ta' Le Havre. L-istrutturi prinċipali tal-faċilità huma l-Isptar ta' Flaubert (l-eqdem, li jinsab fiċ-ċentru tal-belt), l-Isptar ta' Monod (f'Montivilliers), l-Isptar ta' Pierre Janet (psikjatrija), il-faċilità għall-adolexxenti, il-kliniċi u r-residenzi għall-anzjani. Il-grupp huwa l-ikbar impjegatur fil-CODAH. L-Isptar ta' Jacques Monod inbena fl-1987 u joffri firxa wiesgħa ta' kura fil-mediċina, fil-kirurġija, fil-ġinekoloġija, fl-ostetrija, fil-pedjatrija, fil-ġerjatrija, fis-saħħa mentali, il-kura ta' segwitu, ir-riabilitazzjoni, l-integrazzjoni mill-ġdid u s-saħħa pubblika.
Finalment, hemm bosta kliniċi privati li joffru kura kompluta: il-klinika privata tal-gruppi tal-estwarju flimkien mal-kliniċi antiki ta' Petit Colmoulins u ta' Franġisk I. Il-klinika privata ta' Ormeaux tinsab fil-kwartier ta' Eure.
Matul l-ewwel nofs tas-seklu 20, il-129 riġment tal-fanterija tal-front kien stazzjonat f'Le Havre u ħalla marka importanti fuq il-belt, tant li hemm triq li ssemma għalih. L-74 riġment tal-fanterija tal-commandos kien preżenti mill-1963 sal-1976. Finalment, Le Havre hija l-belt li ospitat il-BPC Mistral. Iċ-ċerimonja kienet saret fil-muniċipju fil-15 ta' Novembru 2009, matul waqfa fil-binja.
Politika nazzjonali
[immodifika | immodifika s-sors]Għall-elezzjonijiet tal-Assemblea Nazzjonali, Le Havre hija maqsuma bejn is-seba' u t-tmien kostitwenzi ta' Seine-Maritime. Attwalment huma rrappreżentati minn Agnès Firmin-Le Bodo u Jean-Paul Lecoq.
Ġemellaġġ
[immodifika | immodifika s-sors]Le Havre hija ġemellata ma':
- Dalian, iċ-Ċina;
- Magdeburg, il-Ġermanja;
- San Pietruburgu, ir-Russja;
- Southampton, l-Ingilterra, ir-Renju Unit;
- Tampa, l-Istati Uniti.
Demografija
[immodifika | immodifika s-sors]Le Havre esperjenzat żieda fil-popolazzjoni fit-tieni nofs tas-seklu 19. Sussegwentement, il-popolazzjoni majnat fl-Ewwel Gwerra Dinjija u ġiet ikkumpensata mill-annessjoni tar-raħal ta' Graville (il-belt kisbet 27,215-il ruħ bejn l-1911 u l-1921). Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-popolazzjoni majnat b'mod sinifikanti (telf ta' 57,149 ruħ bejn l-1936 u l-1946) minħabba l-eżodu u l-bumbardamenti. Wara l-gwerra, il-komun esperjenza żieda fil-popolazzjoni sal-1975. Minn dak iż-żmien, il-popolazzjoni reġgħet majnat, speċjalment bejn l-1975 u l-1982: matul dawn is-snin ta' kriżi industrijali l-popolazzjoni majnat b'18,494 ruħ. Din ix-xejra kompliet fis-snin 89 tas-seklu 20 minkejja li b'pass inqas mgħaġġel. Il-politika attwali tal-muniċipalità hi li jinbnew abitazzjonijiet ġodda biex jiġu attirati residenti ġodda bl-għan li jinqabżu l-200,000 abitant, livell li ntlaħaq fis-snin 60 tas-seklu 20. Il-popolazzjoni tal-komun ta' Le Havre kienet 191,000 abitant fl-1999 u b'hekk il-belt kienet tinsab fit-tnax-il post fost l-iżjed bliet popolati fi Franza u fl-ewwel post fin-Normandija. Fl-2018 INSEE stmat li kien hemm 169,733 ruħ jgħixu fil-komun ta' Le Havre, filwaqt li ż-żona urbana ta' Le Havre kellha 234,945 abitant u ż-żona metropolitana ta' Le Havre kellha 337,086 abitant.
|
| ||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
Sors: EHESS[4] u INSEE[5] |
Bejn l-2012 u l-2017, ir-rata tat-twelid kienet 14.3 kull elf u r-rata tal-mortalità kienet 10.4 kull elf: minkejja li r-rata ta' żieda naturali hija pożittiva ma tikkumpensax għar-rata netta ta' migrazzjoni li hija negattiva (-0.7 %). Fl-2017 19 % tal-popolazzjoni ta' Le Havre kienu taħt il-15-il sena u 39 % kienu taħt it-30 sena, li kienet ogħla mill-medja għal Franza metropolitana. 24 % tal-irġiel u 26 % tan-nisa kellhom iktar minn 60 sena. L-iżjed kwartieri popolati huma ċ-ċentru tal-belt, Sanvic, Caucriauville, Anatole France/Danton u Côte Ouest/Ormeaux. Fl-2009, il-popolazzjoni barranija kienet stmata li kienet 8,525 persuna jew 4.8 % tal-popolazzjoni. 12,148 immigrant kienu jgħixu f'Le Havre, jew 6.8 % tal-popolazzjoni urbana. Il-biċċa l-kbira kellhom oriġini mit-Tramuntana tal-Afrika (5,060 ruħ) jew Afrikana (3,114-il ruħ).
Bil-bidliet ekonomiċi li affettwaw il-belt, il-kategoriji tal-professjonijiet u soċjoprofessjonali nbidlu drammatikament mis-snin 80 tas-seklu 20: bejn l-1982 u l-1999, l-għadd ta' ħaddiema naqas b'madwar terz (−10,593 ruħ), is-sehem tal-forza attiva tax-xogħol kienet 16 % fl-1982 u 12.5 % fl-1999. Il-popolazzjoni tal-ħaddiema hija kkonċentrata fis-subborgi tan-Nofsinhar qrib il-port u ż-żona industrijali. Fl-istess żmien, l-għadd ta' eżekuttivi u professjonijiet intellettwali żdied b'24.5 %, li jista' jiġi spjegat parzjalment bil-ħolqien u bl-iżvilupp tal-Università ta' Le Havre. Fl-2017, il-belt kellha proporzjon iktar baxx ta' maniġers u ta' okkupazzjonijiet intellettwali mill-medja nazzjonali (14.4 % minflok 18.1 %). Il-proporzjon ta' ħaddiema (22.5 %) kien ogħla mill-medja nazzjonali (19.9 %). Mis-16.7 % sal-21.7 % tal-forza tax-xogħol, ir-rata ta' qgħad żdiedet bejn l-2007 u l-2017, u għadha għolja mill-bqija tal-pajjiż (13.9 %). Il-proporzjon ta' impjieg fuq terminu qasir f'Le Havre (CDD u xogħol temporanju) huwa ogħla mill-medja nazzjonali. Finalment, il-proporzjon ta' nies f'Le Havre b'lawrija mill-edukazzjoni għolja żdied drammatikament minn 17.3 % fl-2007 għal 23.2 % fl-2017 meta mqabbel ma' 29.9 % għal Franza kollha.
Nies notevoli
[immodifika | immodifika s-sors]F'Le Havre twieldu:
- Georges de Scudéry (1601–1667), rumanzier, drammaturgu u poeta.
- Madeleine de Scudéry (1607–1701), kittieb.
- Jacques-Henri Bernardin de Saint-Pierre (1737–1814), kittieb u botaniku.
- Charles Alexandre Lesueur (1778–1846), naturalist, artist u esploratur.
- Casimir Delavigne (1793–1843), poeta u drammaturgu.
- Jacques-François Ancelot (1794–1854), drammaturgu u letterarju.
- Frédérick Lemaître (1800–1876), attur u drammaturgu.
- Léon Gautier (1832–1897), storiku letterarju.
- Gabriel Monod (1844–1912), storiku.
- Alfred-Louis Brunet-Debaines (1845–c. 1935), artist.
- Juliette Heuzey (1865-1952), kittieba.
- Louis Bachelier (1870–1946), matematiku.
- Raoul Dufy (1877–1953), pittur.
- André Caplet (1878–1925), kompożitur u surmast.
- René Coty (1882–1962), President Franċiż (1954–1959).
- Suzanne Balguerie (1888–1973), soprana Franċiża.
- Arthur Honegger (1892–1955), kompożitur u membru ta' Les Six.
- Thomas Roberts (1893–1976), arċisqof Kattoliku Ruman.
- Jean Dubuffet (1901–1985), artist.
- Jean Mallon (1904–1982), paleografu.
- Raymond Queneau (1903–1976), poeta u rumanzier.
- Jacques Leguerney (1906–1997), kompożitur.
- Bénédicte Pesle (1927–2018), patrun tal-arti.
- Jacqueline Danno (1931-2021), attriċi u kantanta.
- Tristan Murail (twieled fl-1947), kompożitur.
- Elvire Murail (twieled fl-1958), kittieb tat-tfal.
- Laurent Ruquier (twieled fl-1963), ġurnalist.
- Govy (twieldet fl-1981), artist.
Sport
[immodifika | immodifika s-sors]- Paul Frère (1917–2008), sewwieq tat-tlielaq tal-karozzi Belġjan.
- Jérôme Le Banner (twieled fl-1972), lottatur tal-kickboxing u tal-K-1.
- Vikash Dhorasoo, (twieled fl-1973), plejer tal-futbol internazzjonali.
- Olivier Davidas (twieled fl-1981), plejer tal-futbol.
- Dimitri Dragin (twieled fl-1984), judoka.
- Julien Faubert (twieled fl-1983), plejer tal-futbol.
- Kevin Anin (twieled fl-1986), plejer tal-futbol.
- Gueïda Fofana (twieled fl-1991), plejer tal-futbol.
- Jaylen Hoard (twieled fl-1999), plejer tal-basketball Franċiż-Amerikan ma' Hapoel Tel Aviv.
Oħrajn, assoċjati mal-belt
[immodifika | immodifika s-sors]- Rex Cherryman (1896–1928), attur Amerikan, miet fil-belt.
- Jean-Paul Sartre (1905–1980), filosfu, għallem fil-Lycée François-Ier.
- Patrick Demarchelier (1943–2022), fotografu tal-moda, qatta' t-tfulija tiegħu f'Le Havre.
- Christine Lagarde (twieldet fl-1956), direttur tal-ġestjoni tal-IMF, trabbiet f'Le Havre.
- René Viénet (twieled fl-1944), sinologu.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Le Havre, the City Rebuilt by Auguste Perret". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-06.
- ^ "Canicule : chaleur record au niveau national". web.archive.org. 2019-07-31. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-07-31. Miġbur 2023-08-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Normales et records des stations météo de France - Infoclimat". web.archive.org. 2016-03-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-03-15. Miġbur 2023-08-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Le Havre - Notice Communale". cassini.ehess.fr. Miġbur 2023-08-06.
- ^ "Évolution et structure de la population en 2017 − Recensement de la population – Résultats pour toutes les communes, départements, régions, intercommunalités... | Insee". www.insee.fr. Miġbur 2023-08-06.